Aġġornata
Wara aktar minn ġimgħa mfittex mill-Pulizija, raġel mill-Kalkara nqabad f’Ħal-Safi. Huwa nqabad wara li ħarab mill-Pulizija.
Illum għall-ħabta tas-14.45, il-pulizija ġew infurmati li qrib iċ-Ċentru tal-Partit Laburista ta’ Ħal-Safi kien hemm raġel suspettuż li x’aktarx kien qed jagħmel użu minn vettura misruqa.
Ftit tal-mumenti wara waslu fuq il-post il-Pulizja mill-RIU u kif ra li kien hemm il-pulizija fil-madwar rema’ l-basket li kellu f’idejh u ħarab jiġri. Minnufih il-Pulizija telqu jiġru warajh u dan inqabad ftit tal-ħin wara fi Triq il-Puniċi.
Irriżulta li r-raġel huwa l-istess wieħed li ilu mfittex mill-Pulizija fuq serq ta’ karozzi fl-inħawi ta’ Tas-Sliema li nhar it-Tlieta, 16 ta’ Diċembru pprova jtajjar żewġ Pulizija fil-Birgu biex jaħrab ukoll mill-Pulizija. Dakinhar meta kien qed ikun segwit mill-Pulizija, ir-raġel ħabat ma’ vann u baqa’ sejjer.
Dan l-istess raġel skonta sentenza ta’ priġunerija dwar akkużi ta’ serq. Infatti ħareġ mill-ħabs madwar xahrejn ilu.
Fil-basket li rema’ nstabu xi oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga. Il-karozza misruqa ġiet irrapurtata nieqsa lbieraħ filgħaxija.
L-Ispettur Jason F. Sultana li qed ikompli jinvestiga l-każ u jinterroga s-suspettat.
Aktar kmieni…
Tela’ jnaqqar xi ħaġa… u ħadulu l-karozza!
Mekkanik li kien qed jagħmel xogħol fuq karozza u li ħarab ħarba t’għaxar minuti biex inaqqar xi ħaġa tal-ikel, spiċċa b’waħda mill-vetturi li kien qed isewwi misruqa!
Il-vettura, karozza tat-tip Mazda 121 insterqet minn faċċata l-garaxx ta’ dan il-mekkanik fi Triq Bir id-Deheb fiż-Żejtun.
Is-serqa seħħet it-Tnejn 22 ta’ Diċembru għall-ħabta tat-2.45 ta’ waranofsinhar.
Filmati tas-CCTV miksuba minn MaltaRightNow.com juru r-raġel li seraq il-karozza jqatta’ ammont konsiderevoli ta’ ħin jistudja l-karozza.
Hu jidher miexi ‘l fuq u ‘l isfel mal-karozza u minn ħin għall-ieħor anke’ jħares lejn ġewwa tal-karozza. Il-mekkanik li kien qed isewwi l-karozza jiġi minn sid il-vettura.
L-ewwel ħsieb tal-mekkanik, li flimkien ma’ ħuħ isewwu karozzi u trakkijiet, kien li seta’ ġie sid il-vettura u ħadha hu stess għax forsi seta’ ħasibha lesta. Madanakollu aktar tard meta ftit wara wasal is-sid u ma sabx il-karozza, l-istorja nbidlet.
Il-vittmi irrappurtaw il-każ fl-Għassa taż-Żejtun, filwaqt li qed jappellaw għall-għajnuna tal-pubbliku. Il-karozza hi ta’ lewn aħmar.
Intant, il-karozza li kienet rapurtata misruqa instabet aktar tard matul il-ġurnata.
//= $special ?>