Lokali Qorti

Ħabs wara li ordna ikla u kkonvinċa sid ta’ ristorant li huwa s-CEO tal-Prim Ministru!

Jason Manuel Briffa li għandu storja twila ta’ frodi fil-konfront ta’ diversi persuni u kumpaniji ġie kundannat 8 xhur ħabs wara li ffroda sid ta’ ristorant f’Tas-Sliema. Briffa ta’ 40 sena u li joqgħod is-Swieqi, kien mar għand Alberta Aquilina u qalilha li hu l-Kap Eżekuttiv tal-Prim Ministru u li kien se jordna l-ikel għal numru ta’ persuni li kienu se jorganiżżaw attivita’.

Briffa kien mar jordna l-ikel u wara li kien mar jiġbru kien qal lil sid ir-ristorant li qiegħed Tas-Sliema li kien se jmur għall-kumplament u jħallas, xi ħaġa li ma seħħitx u għalhekk spiċċa biex wettaq frodi ta’ €600. Għaldaqstant huwa ammetta wkoll li għamel qliegħ b’qerq.

Briffa ammetta wkoll li fl-aħħar xhur naqas milli jħares waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati, li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest. Ammetta wkoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi mogħtija mill-Qrati ta’ Malta.

Fil-Qorti xehdet sid ir-ristorant fejn qalet li missier Jason Manuel Briffa kien ta s-somma ta’ €600 li kellha tieħu u li hi ma kellha l-ebda pretensjoni li l-ka’ ikompli u kienet qed taħfirlu. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qalet li madankollu l-kondotta ta’ Briffa hija waħda kkulurita, u jidher li dan ma tgħallimx mill-imgħoddi tiegħu u mill-opportunitajiet li ngħataw lilu mill-Qorti biex jaqbad it-triq it-tajba u jżomm il-bogħod mill-ħajja kriminali.

Għalhekk f’ċirkostanzi bħal dawn l-aħjar piena għandha tkun ta’ priġunerija. Il-Prosekuzzjonin tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef filwaqt li l-Avukat Noel Bianco deher għal Briffa. Fost il-każijiet li kellu fil-passat, kien hemm li allegatament iffroda erba’ kumpaniji ftit aktar minn €11,600 u frodi fil-konfront tad-Dar tal-Providenza u li kien qed jippoża bħala rappreżentant tagħhom. Huwa kien qal ukoll fil-Qorti li jabbuża mill-“crack”.