Stephen Bonnici ta’ 40 sena u Marco Bonnici ta’ 41 sena, Diretturi tal-park Popeye Village ma nstabux ħatja li minħabba nuqqas ta’ sigurta’ u traskuraġni, tifel ta’ disa’ snin spiċċa biex weġġa’ gravi fuq rikba li hemm fil-post wara li waqa’ minn fuqha.
L-inċident seħħ fil-15 ta’ Mejju tal-2011, meta it-tifel waqa minn “Ferris Wheel” u spiċċa b’wiċċu sfigurat. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Carol Peralta qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova l-każ tagħha, fejn lanqas biss kienet preżenti għall-aċċess.
Minn naħa tagħha d-difiża ipproduċiet ukoll l-Inġinier Konrad Maistre fejn dan qal li ma kien hemm xejn irregolari fuq ir-rikba u dwar dan ippreżenta rapport dwar is-“safety features” li għandha r-rikba.
Għalhekk id-Diretturi ma kellhom l-ebda tort dwar dak li ġara.
Għad-Diretturi deher l-Avukat Arthur Azzopardi filwaqt li l-Ispettur Jessica Grima mexxiet il-Prosekuzzjoni.