Lokali

Ikollu jnaqqas il-ħaddiema minħabba l-proġett ta’ Triq il-Kosta

Wara protesti li saru min-naħa ta’ residenti, issa kien sid il-Bird Park li ħa l-każ il-Qorti fejn ippreżenta protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jisħaq li minħabba l-proġett ta’ Triq il-Kosta, ingħalaq l-aċċess għall-istabbiliment tiegħu, bil-konsegwenza li sofra telf ta’ negozju u kellu jnaqqas il-ħaddiema.

Kevin Mallia, proprjetarju tal-Bird Park li jinsab fis-Salini, ippreżenta l-protest kontra Transport Malta, il-Ministeru għat-Trasport u l-Kummissarju tal-Pulizija. Fil-protest, Mallia qal li l-Bird Park jinsab viċin il-Kennedy Grove u jista jiġi aċċessat mill-pubbliku minn żewġ toroq, biex anke jkunu jistgħu josservaw u jgawdu n-natura.

Dan affettwa negattivament l-ammont ta’ turisti li jżuru l-Bird Park, speċjalment dawk ġejjin min-naħat ta’ Buġibba u l-Qawra. Il-Protest jgħid ukoll li mhux biss ingħalaq kull aċċess għat-traffiku lejn in-negozju tiegħu, iżda wkoll l-aċċess għan-nies li riedu jidħlu bil-mixi.

Dawn in-nies ġew mogħtija ordnijiet mill-kumpanija Transport Malta biex jaqbdu direzzjoni oħra li kienet tikkonsisti f’dawra ta’ kwazi 6 kilometri. Dan apparti mill-fatt li l-‘Bus Stop’ viċin il-Bird Park tneħħiet minħabba dawn ix-xogħlijiet u b’konsegwenza ta’ hekk ġie itterminat l-użu tagħha.

Għaldaqstant is-sid tal-Bird Park talab lil Transport Malta, il-Ministeru għat-Trasport u l-Kummissarju tal-Pulizija biex jersqu għal-likwidazzjoni u ħlas relatati mad-danni u spejjeż li ġarrab u għadu jsofri inkluż imgħaxijiet.

Il-protest kien iffirmat mill-Avukat Robert Piscopo.