Lokali

Il-Kap Eżekuttiv tal-FES jerġa’ jirreżenja

Wara l-ħatra tiegħu tliet xhur biss ilu, Charles Micallef irriżenja mil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Micallef kien inħatar Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni minflok Roderick Agius, li kien tneħħa mill-kariga wara t-tmexxija ħażina fi Klabb 3-16 u Skola Sajf.

Filfatt, f’din l-aħħar sena, Skola Sajf ma bdietx fuq nota tajba u kienet qamet kontroversja sħiħa minħabba n-nuqqas ta’ LSAs u play workers.

Dan kien wassal biex is-servizz beda ġimgħa tard milli kien imħabbar, u bis-sitwazzjoni tiġi kkritikata wkoll mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, li ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda “diżastruża”.

Din is-sena kienet l-ewwel darba li fiha l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-xogħol, immexxi minn Evarist Bartolo, kien afda l-Fondazzjoni bil-kordinament ta’ Skola Sajf, li qabel kienet organizzata mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Aktar tard matul is-sajf kien seħħ il-każ fejn tifel ta’ tlett snin kien ħareġ mill-iskola Primarja tal-Fgura, meta kien qed jattendi Skola Sajf, mingħajr ħadd ma nduna.

Rapport intern dwar din is-sitwazzjoni kienet wasslet għal ħatra ta’ Charles Micallef minflok Roderick Agius.

Imma wara dak kollu li seħħ is-sajf li għadda, jidher li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi għadha għaddejja minn taqlib kontinwu, tant li issa anke Micallef ħalla din il-kariga, b’sorsi mill-Ministeru tal-Edukazzjoni jikkonfermaw li se tkun Elizabeth Pisani li se sservi bħala t-tielet Kap Eżekuttiv ta’ din il-Fondazzjoni f’temp ta’ ftit xhur.

Pisani kienet koordinatur fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u ħadmet l-aktar fuq policies dwar rispett għal kulħadd.

Dwar id-deċiżjoni ta’ Charles Micallef, kollox għadu mistur. Biss, kelliem tal-Ministeru ta’ Evarist Bartolo qal li Micallef issa “ġie assenjat xogħol ieħor importanti fi ħdan il-Ministeru.”