“Il-Pulizija li s-Sibt li għadda filgħaxija waslu fuq il-post waqt li bouncer f’Paceville kien qed isawwatni, mhux biss jafu min kien imma saħansitra sejħulu b’ismu.”
Din l-allegazzjoni serja saret minn Michelle Sullivan, il-mara li s-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu, sfat aggredita u msawwta minn bouncer ta’ klabb ewlieni fi triq Wilġa f’San Ġiljan.
Fi status fuq Facebook, Sullivan qalet li uffiċjal tal-Pulizija għajjat lill-bouncer li attakkahha b’ismu, ħalla ż-żona miegħu qabel sparixxa fil-folla mingħajr ma ttieħed ismu jew sar rapport minn fuq il-post. Minn naħa tagħhom sorsi fi ħdan il-Pulizija qed jisħqu li l-bouncer telaq mill-post hekk kif ra lill-uffiċjali.
Kawża tad-daqqiet, Sullivan spiċċat imbenġla, bi black eye, qatgħat fuq wiċċha u bi troffa xagħar nieqsa. Saħansitra qalet li xi ħadd ta daqqiet ta’ sieq waqt li kienet mal-art.
Il-każ kollu beda wara li allegatament sħabha kienu trattati b’mod vjolenti minn bouncer u Sullivan marret biex twaqqfu milli jaġixxi bi vjolenza. Imma minflok, dan il-bouncer dar lejha u qabad jagħtiha wkoll.
Fuq Facebook, Sullivan staqsiet ukoll kif jista’ jkun li l-post fejn issawtet hi hu mdawwar minn cameras tas-sigurta’, ippuntati propju lejn il-post fejn kienet madankollu ma saret l-ebda riferenza għal dan u skont hi l-filmat baqa’ m’għaddiex għand il-Pulizija.
Skont Sullivan, fuq il-post waslu żewġ skwadri tal-Pulizija; tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett. Ħabibtha, vittma oħra f’dan il-każ, kompliet ma’ din it-testimonjanza u saħansitra qalet li indikat min kienu l-persuni li sawtuha lil wieħed mill-uffiċjali.
Madankollu qalet li dan l-uffiċjal ma ħa l-ebda azzjoni, anzi minflok “bdew jgħidulna biex nagħlqulu u nitilqu miż-żona.”
Intant il-Ħadd fid-disgħa ta’ filgħaxija Michelle Sullivan intalbet mill-Pulizija biex tmur l-għassa u tgħin fl-investigazzjoni biex ikun lokalizzat l-uffiċjal tas-sigurta’ li allegatament aggrediha.
Dwar dan il-każ kellmitna wkoll persuna li rat il-każ iseħħ. Hi wkoll spjegat li ma tistax tifhem “kif il-Pulizija ma jafux min kien il-bouncer li aggredixxa lil Sullivan meta fuq il-post waslu mal-għaxar uffiċjali tal-Pulizija u kull min kien preżenti ra lill-bouncer.”
//= $special ?>