Lokali

Il-Pulizija ma kellha l-ebda dritt tħalli ffilmjar jibqa’ għaddej

Iffilmjar ta’ kanzunetta li sar f’Mejju f’dik li kienet fabbrika tad-Dowty fl-Imrieħel kien qed isir f’sit mimli perikli għal saħħet il-bniedem, kemm f’termini infrastrutturali, kif ukoll minħabba l-preżenza qawwija ta’ asbestos

Meta f’Mejju li għadda l-Pulizija żaret l-eksfabbrika tad-Dowty fl-Imrieħel wara rapporti li waslulha li fiha kien qiegħed jinġibed filmat għal kanzunetta, ma kellha l-ebda dritt tħalli dan l-iffilmjar jibqa’ għaddej, kemm minħabba li ma kienx intalab il-permess tas-sidien tal-proprjetà, kemm minħabba li s-sit għandu problemi infrastrutturali kbar, kif ukoll għaliex fl-istess sit hemm preżenza qawwija ħafna ta’ asbestos li jagħmel ħsara kbira lis-saħħa tal-bniedem.

Jirriżulta li f’Mejju li għadda l-kumpanija Malta Film kienet kummissjonata biex tiġbed filmat għad-diska ‘Everlasting’ tal-grupp mużikali Malti Winter Moods.

Dan il-filmat kien deċiż li jinġibed fis-sit tal-eksfabbrika tad-Dowty li tinsab fl-Imrieħel. Dan is-sit ilu magħluq għal bosta snin wara li l-istess fabbrika telqet minn dan is-sit u bdiet taħdem minn post ġdid f’Ħal Far.

Ritratt: Is-sit fejn kien hemm il-fabbrika tad-Dowty fl-Imrieħel

Dan l-istess sit hu kundannabbli għall-fatt li għandu ħsarat infrastrutturali kbar tant li jinsab għat-twaqqigħ. Barra minn hekk, fl-istess sit hemm bosta perikli oħra ġejjin mill-fatt li fih hemm preżenza qawwija ħafna ta’ asbestos. Fil-fatt is-suffett tal-istess fabbrika hu magħmul mill-asbestos u matul is-snin kemm ilha wieqfa din il-fabbrika, dan l-istess suffett waqa’ u jinsab imxerred mal-art. Jirriżulta wkoll li dan l-istess materjal matul is-snin iddeterjora sal-punt li llum hu litteralment imfarrak fl-art.

Dan ifisser li meta f’Mejju li għadda l-kumpanija Malta Film ħadet numru ta’ persuni fis-sit biex jinġibed dan il-filmat – għadd konsiderevolment kbir minħabba li minbarra l-erba’ atturi, żgur li kien hemm ukoll il-membri tal-crew – kemm dawk li kienu qed jiffilmjaw, kif ukoll dawk li kienu qed jarmaw u jieħdu ħsieb is-sound u d-dwal, dawn kollha kienu qed jieħdu sehem f’biċċa xogħol mill-aktar perikoluża f’sit litteralment ikkundannat għaliex apparti l-infrastruttura fis-sitwazzjoni prekarja li jinsab fih, kienu esposti għal numru ta’ sigħat għall-għabra u t-trabijiet kaġunati mill-asbestos.

Nifhmu li ħadd ma talab ebda permess biex dan il-filmat jinġibed ġo din li kienet fabbrika tad-Dowty. Anzi meta fil-post inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet u marru fil-post – fosthom il-Pulizija – irriżulta li dawn mhux talli ma kellhom l-ebda permess tal-Malta Industrial Parks – li taħtu taqa’ l-fabbrika, talli l-istess pulizija ħadu l-inizjattiva u flok żgumbraw lil kulħadd minn dan il-post, taw il-barka biex kollox jibqa’ għaddej u l-filmat ta’ dan il-video jissokta qisu mhu xejn.

Jirriżulta li fil-post tal-iffilmjar kienu qed jieħdu sehem numru ta’ kumpaniji oħra mqabbda minn Malta Film, fosthom il-kumpanija Nexos Lighting, u dan anki skont kif jirriżulta mill-credits tal-video. Ta’ min jgħid li dak li kien proprjetarju ta’ din il-kumpanija – Silvio Scerri – illum għadu jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Sa ftit tal-jiem ilu l-istess sidien tal-fabbrika, Malta Industrial Parks lanqas biss kellhom l-iċken idea b’dak li kien ġara f’Mejju li għadda u kien biss meta ħareġ il-filmat li xegħlitilhom bozza ħamra.

Kelliem għall-istess Malta Industrial Parks qal li huma ma kellhom l-ebda informazzjoni dwar dak li kien ġara, u wisq u wisq inqas intalbu l-permess biex setgħu jinġibdu dawn il-filmati f’dan il-periklu.

Min-naħa tagħha, il-band Winter Moods iddiżassoċjat ruħha kompletament mill-ġbid ta’ dan il-filmat u ddikjarat li l-grupp kien involut biss fi ftehim ta’ Malta Film għall-ġbid ta’ dan il-filmat li għalih ma tħallas xejn, filwaqt li l-kumpanija tingħata biss pubbliċità.

Minn stħarriġ li għamlet ‘In-Nazzjon’ jirriżulta li matul il-ġimgħat ta’ wara – minn ftit tal-ġimgħat ilu biss ’l hawn – il-kumpanija PT Matic li hi sussidjarja tal-kumpanija Alberta, rebħet tender biex is-sit tal-eksfabbrika Dowty fl-Imrieħel, jitnaddaf mill-asbestos u jkun dekontaminat.

Nifhmu li s’issa, minn dan is-sit – fejn ix-xogħol għadu għaddej – inħarġu xejn inqas minn għaxar kontejners tal-erbgħin pied mimlijin xkejjer tal-asbestos. Dan il-materjal qiegħed ikun esportat lejn sit fi Spanja fejn imbagħad jindifen f’ħofor oriġinarjament użati għall-minjieri. Dan kollu skont il-liġijiet stretti tal-Unjoni Ewropea.

Dwar il-perikli li jikkaġuna l-asbestos, f’dawn il-jiem tkellimna ma’ Robert Cortis li hu espert fil-qasam tal-asbestos u l-kwalità tal-arja. Hu kkummenta li kien fil-bidu tas-snin disgħin meta bdiet tqum kuxjenza kbira dwar il-fatt li l-materjal kollu maħdum mill-asbestos potenzjalment jikkaġuna ħsarat kbar lis-saħħa tal-bniedem, b’mod partikulari meta persuna tibla’ l-għabra tiegħu.

Robert Cortis kompla li aktar ma għadda ż-żmien din il-kuxjenza kompliet tikber sal-punt li llum l-asbestos mhux talli ma jistax jintuża b’mod kummerċjali, talli fejn hemm l-asbestos qed isir impenn kbir biex dan jitneħħa u hekk ikunu evitati perikli għas-saħħa tal-bniedem.

Sfortunatament f’Malta fadal ħafna siti li għad fihom materjal maħdum bl-asbestos. Dan kemm f’bini ta’ natura kummerċjali, kif ukoll f’binjiet domestiċi bħal djar antiki.

Cortis temm li l-asbestos hu perikoluż dejjem u għandha tissokta kull kampanja biex aktar u aktar nies jedukaw lilhom infushom u jżommu ’l bogħod minn siti fejn ikun hemm l-asbestos, u agħar minn hekk, fejn ikun hemm imxerrdin biċċiet u għabra tal-istess asbestos.