Lokali

Minn maniġer spiċċa “meter reader” xahrejn u nofs wara l-elezzjoni ġenerali

Dak li kien Maniġer tar-Riżorsi Umani tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) ippreżenta protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qal li fis-27 ta’ Mejju tal-2013, jiġifieri xahrejn u nofs wara li tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista, huwa tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu u minfloku tpoġġiet dik li qabel kienet is-Segretarja taċ-Chairman.

Emanuel Galea ta’ 45 sena mis-Siġġiewi qal li huwa Uffiċjal Pubbliku, u li ilu jaħdem mal-Korporazzjoni sa mill-1986 fejn hemm beda jaħdem bħala Clerk u fl-2007 sar Human Resources Manager.
Huwa qal li tneħħa mingħajr ebda ġustifikazzjoni fejn la kien hemm xi każ ta’ dixxiplina fil-konfront tiegħu u xejn aktar u għalhekk dan kollu jfisser li saret diskriminazzjoni, u mġieba mhux xierqa fil-konfront tiegħu. Qal ukoll li kienet tpoġġiet fil-kariga minfloku mingħajr l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet ċerta Pauline Lanzon, li qabel kienet Segretarja taċ-Chairman tal-Korporazzjoni.
Galea qal li minkejja dawn l-azzjonijiet, huwa pprova jara ma’ kull min sar responsabbli mill-KSI kif se jiġu protetti d-drittijiet tiegħu. Dan billi kkomunika mal-Ministru responsabbli u anke mal-Prim Ministru. Minkejja dan ma kienx hemm kuntatt dwar l-aġir negattiv fil-konfront tiegħu, dak li ma jingħatax xogħol xieraq, u li nkisirlu l-kuntratt li kellu, u dan wassal għal ħsara psikoloġika tant li kellu joħroġ bis-“sick leave”.
Minkejja dan kollu, huwa qal li ma sar xejn minn min kien responsabbli mill-KSI biex il-pożizzjoni ta’ Emanuel Galea tiġi rranġata. Minkejja li baqa’ jitħallas il-paga kollha, anke jekk mhux skont il-kuntratt, huwa tħalla barra mix-xogħol għal perjodu ta’ sena u tliet xhur.
Kompla jgħid li wara aktar insistenza, minn naħa tiegħu ġie offrut jidħol lura għax-xogħol f’kariga aktar baxxa, dik ta’ Senior Executive, basta jwaqqa’ kull pretensjoni, għal liema mossa huwa qal li lest li jidħol u jagħmel ix-xogħol li jiġi assenjat lilu. Madankollu qal li iżda ma kienx se jirrinunzja għal xi dritt legali jew kuntrattwali tiegħu u għalhekk huwa qal li dak li kien aċċetta għamlu bla preġudizzju, għall-istess drittijiet tiegħu.
Galea qal li fl-1 ta’ Settembru li għadda ġie assenjat xogħol simili għal dak ta’ “meter reader” b’kundizzjonijiet mnaqqsa minn dawk li kellu qabel ma bdew l-azzjonijiet fil-konfront tiegħu. Aktar minn hekk qal li x-xogħol li ngħatalu mhuwiex skont il-pożizzjoni tiegħu u kollox jindika li hu msejjes biex jiddemoraliżżah u jġiegħlu jitlaq.
Galea li ppreżenta l-protest tiegħu kontra il-KSI u s-Segretarju Permanenti Prinċipali qal li wasal iż-żmien li l-pożizzjoni tiegħu tiġi rranġata u skont l-obbligi legali u kuntrattwali tal-Korporazzjoni.
Il-Protest ġie ffirmat mill-Avukat Andrew Borg Cardona.