Juventus…………2
Napoli …………..2
(Napoli 8-7 bil-penalties)
Napoli u Rafa Benitez rebħu s-Supercup Taljana 8-7 bil-penalties kontra Juventus wara draw 2-2 wara l-ħin barrani f’finali eċċitanti li ntlagħbet f’Doha fil-Qatar. Kienet ir-raba’ darba fl-istorja tal-kompetizzjoni li s-Supercup ġiet deċiża bil-penalties u t-tieni darba li rebħuha Napoli, għal darb’oħra kontra Juventus kif kien ġara fl-1990.
Protagonisti f’din il-finali kienu żewġ internazzjonali tal-Arġentina, Carlos Tevez u Gonzalo Higuain li skorjaw doppjetta kull wieħed.
Juventus ħadu vantaġġ kmieni minn Tevez li approfitta minn żball difensiv imma wara li Hamsik laqat il-lasta ta’ Buffon, Juventus m’għarfux jagħqlu l-logħba u fit-tieni taqsima kien Higuain li bir-ras kiseb id-draw biex il-logħba marret fil-ħin barrani.
Għal darb’oħra hawnhekk reġa’ kien Tevez li deher li seta’ ta r-rebħa lil Juventus imma fl-aħħar minuti qabel it-tisfira finali, kien Higuain li kkonkluda wara Buffon biex il-logħba marret għall-penalties.
L-ewwel żewġ penalties kienu t-tnejn żbaljati meta Jorginho ra lil Buffon iwettaq save brillanti u warajh Tevez għarraq s-serata meta laqat sieq il-lasta. Minn hawn il-plejers sabu l-mira fejn għal Napoli skorjaw Ghoulam, Albiol, Inler u Higuain waqt li Vidal, Pogba, Marchisio u Morata għamulhom 6-6.
Kien imiss il-penalties b’eliminazzjoni diretta fejn wara li Gargano u Bonucci żammew id-draw, Mertens ra lil Buffon isalva imma eżatt warajh anke Chiellini ra lil Rafael jimblokk. Buffon reġa’ salva fuq Callejon imma Pereira xeħet għoli għal Juventus. Koulibaly skorja b’xutt b’saħħtu biex imbagħad kien Rafael Cabral li salva x-xutt ta’ Padoin u ta t-Tazza lil Napoli 24 sena wara l-ewwel suċċess.
//= $special ?>