Lokali

Raġel misjub mejjet fl-appartament tiegħu f’San Pawl il-Baħar

Raġel ta’ 38 sena minn San Pawl il-Baħar instab mejjet fl-appartament fejn joqgħod, f’każ li l-Pulizija għadhom mhu qed jeskludu xejn dwaru.

Ir-raġel, Jeffrey Borg (ritratt), instab mejjet matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-2am, minn ħuh. Jirriżulta li r-raġel, li nstab mejjet fuq is-sodda, kien ibati mid-diabete. Kien għalhekk li l-investigaturi għall-ewwel ħasbu li l-mewta tar-raġel setgħet seħħet b’kawża naturali.

Madankollu, aktar tfittxijiet fl-appartament ta’ Borg wasslu għas-sejba ta’ pakketti bi trab abjad. B’hekk, issa l-Pulizija mhux qed jeskludu li r-raġel miet kawża ta’ abbuż ta’ droga. Il-Maġistrat tal-għassa Marsann Farrugia ordnat inkjesta, filwaqt li l-espert forensiku Mario Scerri tqabbad imexxi aktar investigazzjonijiet.

Fis-sigħat li għaddew inżammet inkjesta fuq il-katavru ta’ Jeffrey Borg, filwaqt li l-appartament ġie ssiġillat għal aktar investigazzjonijiet. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur tad-Distrett Maurice Curmi.