Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq dikjarazzjoni falza iżda l-ebda ħtija li “ffroda” kumpanija tal-assikurazzjoni

Gaetano Farrugia ta’ 37 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati mill-Maġistrat Ian Farrugia li fil-11 ta’ Novembru tal-2009 u fil-ġranet ta’ qabel bil-ħsieb li jikseb vantaġġ innifsu ħeba provi.

Madankollu huwa ma nstabx ħati wkoll li bil-ħsieb li jagħmel qliegħ b’qerq ta’ madwar €5,000. Huwa lanqas ma nstab ħati li fl-istess perjodu, sabiex jikseb xi vantaġġ jew benefiċċju għalih innifsu jew għal ħaddiehor, f’xi dokument maħsub minn xi Awtorita` Pubblika, xjentement għamel dikjarazzjoni falza jew ta tagħrif falz.

Huwa ma nstabx ħati li ta xhieda falza fi proċeduri Kriminali sew kontra jew favur il-persuna akkużata. Il-fatti ta` dan il-każ huma li fid-9 ta’ Novembru 2009, kienet seħħet ħabta dik ta’ “hit and run” fi Triq il-Kappella, San Ġwann, li fiha kienu nvoluti erba’ karozzi. Land Rover Discovery, Toyota Vitz, Morris Marina u Toyota Hilux.

F’dan l-inċident is-sewwieq tal-karozza Toyota Hilux tilef il-kontroll u baqa’ dieħel fil-Land Rover li kienet ipparkjata. Id-daqqa kienet tant vjolenti li l-istess vettura mxiet u laqtet karzza oħra li kienet ipparkjata quddiemha,Toyota Vitz. Din mxiet ukoll il-quddiem u laqtet il-karozza ta’ quddiemha, Morris Marina.

Wara li seħħ dan l-inċident, is-sewwieq tat-Toyota Hilux, ` Kevin Tanti qabad u telaq minn fuq il-post mingħajr ma rrapporta l-inċident. Peress li t-Toyota Hilux kienet reġistrata fuq Alison Debono, Kevin Tanti ra kif kien ser jirranġa l-vettura. Ghaldaqstant peress li l-ispiża kienet se tkun sostanzjali, ħaseb sabiex idaħħal l-ispejjez billi jġibhom mingħand kumpanija tal-assigurazzjoni.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li Kevin Tanti iltaqa ma’ Gaetano Farrugia ġewwa Ta’ Giorni. Hemm ftehmu li kellhom jagħmlu rapport falz lill-kumpanija tal-assigurazzjoni sabiex Tanti jkun jista jieħu l-flus tal-ħsarat. Huma ftehmu wkoll illi Tanti kellu jħallas lil Farrugia tal-involviment tiegħu. Wara li ftehmu fuq l-ammont li Tanti kellu jgħaddi lil Farrugia formula “front to rear” u ffirmawha.

Fit-12 ta’ Novembru 2009, Gaetano Farrugia għamel talba għand il-kumpanija assiguratriċi tiegħu, Citadel Insurance. Fil-formula ġie mniżżel li Gaetano Farrugia kien allegatament ħiereġ minn ġewwa l-garaxx tiegħu li għandu fi Triq il-Gandlora, Żebbuġ u hemm kienet għaddejja l-vettura ta’ għamla Toyota Hilux li ħabtet fiha.

Il-Qorti qalet li hi tal-fehema li l-allegazzjonijiet tal-Prosekuzzjoni huma fatti ppruvati u m’għandhomx ikunu aktar diskussi. It-teżi tal-Prosekuzzjoni hi li allura, la darba l-imputat daħal f’dan il-ftehim ma Kevin Tanti, issottometta claim mal-kumpanija ta` l-assikurazzjoni, w irċieva kumpens mingħand l-istess Kevin Tanti, li kellu jinġieb il-Qorti biex jirrispondi għall-akkużi. Bl-akbar rispett, lejn l-isforzi tal-Prosekuzzjoni, l-Qorti qalet li ma taqbilx ma din it-teżi, anke jekk f’parti.

Dak li rriżulta hu li l-imputat mhux veru kellu inċident ma Kevin Tanti, iżda ftiehem ma l-istess Kevin Tanti biex jagħmel claim biex b’hekk Kevin Tanti jitħallas mill-assikurazzjoni u l-imputat jirċievi kumpens. Ħażin kemm hu ħażin moralment l-atteġġjament u l-involviment ta` l-imputat f’dak kollu li seħħ u li a bazi tiegħu nbdew dawn il-proċeduri, ma jfissirx li neċessarjament dan jammonta għall-akkużi kollha .

Għalkemm hemm element ta` ħażen fl-operat ta` l-imputat, fil-fehema tal-Qorti, tali ħażen ma kienx tali li kellu jġibu passabbli gġar-reati kollha li saru kontrih.

B’referenza għall-ewwel akkuża miġjuba ta` tentattiv ta` qliegħ b’qerq jista jingħad mingħajr tlaqlieq li l-imputat wera dan il-ħsieb b’atti esterni – mela l-formola front to rear u għadda l-claim lill-assikurazzjoni u ħallas l-aċċess. Gara iħda li l-imputat qatt ma mar jiffirma tali claim u konsegwentement tali claim qatt ma setgħet, fin-nuqqas tal-firma ta` l-imputat, tibda biex tigi proċessata.

B’referenza għat-tieni imputazzjoni, dik ta` frodi dwar sigurta`, jista jingħad mingħajr tlaqlieq li l-imputat effettivament immanifesta l-ħsieb tiegħu li jikseb għalih jew għal ħaddiehor il-ħlas ta` flus mingħand l-assikurazzjoni.

Iżda minn imkien fl-atti ma jirriżulta li huwa għamel xi ħaġa biex “jiddistruggi, ixerred ‘l hawn u ‘l hemm jew jgħarraq b’xi mezz li jkun, hwejjeg tiegħu” L-imputat, fl-ebda ħin ma kkawħa ħsara fuq il-vettura tiegħu b’rabta ma dan il-kaħ. Il-ħsara li kellu kienet hemm qabel u ma kienet bl-ebda mod konnessa mal-fatti ta` dan il-kaħ.

B’referenza ghat-tielet imputazzjoni jiġi osservat li saret il-prova li l-imputat, sabiex jikseb xi
vantaġġ jew benefiċċju għalih innifsu jew għal ħaddiehor, xjentement għamel jew ta tagħrif falz f’dokument, liema dokument ma kienx intiz għal xi awtorita` pubblika.