Numru ta’ swali taċ-ċinema fl-Istati Uniti qalu li se jkunu qed juru l-film The Interview fil-Milied. Id-deċiżjoni ttieħdet ġimgħa wara li l-kumpanija li pproduċiet il-film ħassret il-ħruġ tiegħu wara li ġarrbet attakk devastanti fuq l-internet.
Il-kumpanija Sony Pictures mistennija tħabbar pjani għall-ħruġ limitat tal-film, kummiedja dwar kumplott biex jinqatel il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un.
Żewġ swali taċ-ċinema f’Atlanta, Georgia u f’Austin, Texas diġa’ ħabbru l-wiri tal-film. Dawn qalu, permezz tal-media soċjali, li Sony Pictures awtorizzathom sabiex juru l-film, li ħoloq tensjoni dejjem tikber bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq.
L-Istati Uniti waħħlet fil-Korea ta’ Fuq għall-hacking li sar fuq Sony, li wassal għall-ħruġ ta’ tagħrif sensittiv u materjal ieħor dwar il-film.
Sony ħabbret li The Interview ma jixxandarx fid-dawl ta’ theddid li kien sar kontra swali taċ-ċinema li ppjanaw biex juru l-film, fejn jieħdu sehem l-atturi James Franco u Seth Rogen.
Hemm ukoll spekulazzjoni li Sony se toffri l-film bħala video-on-demand (VOD) bħala parti minn pakkett limitat.
//= $special ?>