Internazzjonali

Daqshekk imħatri fuq ‘it-tluq tar-Reġina Eliżabetta’…

Il-bookmaker ewlieni Coral issospenda l-imħatri fuq il-possibbilta li r-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra tħabbar li ‘għandha twarrab mit-tron’ ladarba tagħmel id-diskors ta’ Jum il-Milied lill-poplu.

L-‘odds’ li ħaġa bħal din issir realta kienu attraenti ħafna, tant li għal xi żmien kienu kkwotati b’10 għal 1. Madankollu, Coral malajr qal ‘daqshekk’ għall-imħatri, wara li numru sostanzjali ta’ ġukaturi ddeċidew li jissugraw ammonti ta’ flus fuq il-possibbilta ta’ xi aħbar bomba.

Mifhum li laħqu daħlu ‘gelgul ta’ mħatri f’daqqa’ rigward ir-Reġina li qed jitqiesu bħala ‘mhux tas-soltu’ – bl-iżvilupp jallarma lill-persuni konnessi mal-industrija tal-gambling.

Dawn in-nies jemmnu li ‘ma jeżistix duħħan mingħajr nar’ u meta, tul is-sena, ma naqsitx mill-ispekulazzjoni dwar il-futur tar-Reġina. Intant, l-ispinta fl-imħatri rigward il-possibbilta li Eliżabetta ma tkomplix bħala Kap tal-Monarkija ssorprendiet lill-kumpanniji bħal Coral li ddeċidiet biex timplimenta policy ta’ kawtela u ma taċċettax aktar logħob.

Min-naħa tagħhom, kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham ma kkummentawx dwar is-sitwazzjoni