Ħarsa lejn il-ġurnali f’Lejliet il-Milied, illum 24 ta’ Diċembru 2014.
IN-NAZZJON b’ritratt minn xena ta’ presepju ħaj filwaqt li tawgura il-Milied it-Tajjeb. Żewġ rapporti fil-faċċata, wieħed li jitkellem dwar it-tradizzjonijiet marbuta mal-Milied u l-ieħor dwar intervista li saret mal-eks-Kummissarju Ewropew Tonio Borg, liema intervista tinsab sħiħa fil-paġni ta’ ġewwa.
L-ORIZZONT b’ritratt tal-faċċata tal-Palazz tal-President fil-Belt Valletta mibdula fi lwien u karattri tal-Milied. Rapport fil-faċċata tal-Orizzont dwar diskors tal-Papa Franġisku dwar it-tmexxija tal-Knisja u kif dan id-diskors jgħodd għal Malta. L-Orizzont titkellem ma’ Fr. Reno Muscat li jgħid li fil-Knisja Maltija hemm min jaljena u min irid jagħmel karriera għalih.
THE MALTA INDEPENDENT – Tirrapporta li d-Dumnikan Fr. Charles Fenech, li dwaru bdew proċeduri fil-Qorti b’rabta ma’ allegat każ t’abbuż sesswali fuq mara, bagħat kartolina tal-Milied iffirmata minnu lill-istess vittma u l-familja tagħha. Rapport ukoll dwar aktar riżultati mill-isħarriġ tal-Independen li jgħid li l-mod kif ġie trattat il-każ ta’ Manwel Mallia hu meqjus bħala l-akbar żball tal-Gvern.
TIMES OF MALTA – Ritratt ta’ Santa Klaws Malti jżomm f’ħoġru żewġ tfal żgħar. Żewġ rapporti fil-faċċata, wieħed dwar kif se jinbidel il-mod kif jiġi mgħallem l-Ingliż fl-iskejjel u ieħor dwar kif dalwaqt se jkun żvelat il-‘preferred bidder’ għat-tarzna.
//= $special ?>