“Sa fl-aħħar wasal il-Milied” hija l-frażi fuq fomm eluf ta’ Maltin li jikkunsidraw lejlet il-Milied u jum il-Milied bħala l-aktar jumejn ta’ festi sbieħ matul is-sena. Il-vaganzi tat-tfal tal-iskola bdew jiem ilu, u ħafna oħrajn f’dawn il-ġranet ikunu bix-shut down, inkella jieħdu xi jiem ta’ leave mix-xogħol – għax il-Milied hu l-festa ta’ kulħadd, tat-tfal u tal-kbar.
Lejlet il-Milied, ikunu eluf il-Maltin u l-Għawdxin li jħejju għal programm sħiħ ta’ attivitajiet tradizzjonali li jsiru kull sena.
Fost l-oħrajn, eluf ta’ Maltin jassistu għall-purċissjoni tal-bambin li ssir kważi fil-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex, normalment organizzata mill-oqsma differenti tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, li nafuha aħjar bħala l-MUSEUM.
Fil-fatt, kien San Ġorġ Preca, il-fundatur ta’ din is-soċjetà li snin twal ilu kien stinka biex jara sseħħ dimostrazzjoni li tiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù Bambin. Kien fl-1920 li San Ġorġ Preca l-ewwel li qasam dan il-ħsieb mas-soċji tal-MUSEUM.
L-ewwel bambin li bih saret l-ewwel purċissjoni tal-Milied kien ġie misluf mill-Knisja tal-Franġiskani u din id-dimostrazzjoni baqgħet issir kull sena filwaqt li kompliet tikber ma’ kull sena li tgħaddi.
Normalment dawn id-dimostrazzjonijiet, li jsiru lejlet il-Milied filgħaxija, ikunu akkumpanjati mill-għanjiet Maltin tal-Milied, fosthom il-famuża ‘Ninni La Tibkix Iżjed’ li nkitbet fis-seklu dsatax mill-Patri Ġiżwita Indri Schembri.
Għanjiet oħra marbutin intrinsikament mal-festi tal-Milied jinkludu ‘Ninu Ninu tal-Milied’, taqbila popolari ħafna mat-tfal li saret għanja, kif ukoll l-għanja ‘O Ġesù Ħelwa Tarbija’ – għanja fuq melodija Maltija.
M’għandniex xi ngħidu, fil-lejl tal-Milied jilħqu l-qofol tagħhom ukoll il-wirjiet tal-presepji madwar Malta u Għawdex. L-eqdem presepju f’Malta jmur lura għas-sena 1617 u kien inħadem mill-Patrijiet Dumnikani f’Malta.
Żgur, imma, li l-qofol tal-attivitajiet tal-lejl tal-Milied, għal ħafna, jintlaħaq bil-quddiesa ta’ nofsillejl li tkun tinkludi wkoll il-prietka tradizzjonali tat-tifel, drawwa li bdiet fis-seklu 19 meta tfajjel jismu Ġorġ Sapiano kien għamel l-ewwel prietka tal-Milied fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa.
Meta titqabbel ma’ pajjiżi oħra, Malta għadha tiċċelebra Milied pjuttost Nisrani minkejja drawwiet barranin li integraw ruħhom fiċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru f’pajjiżna. Il-prietka tat-tifel hi opportunità biex jitwassal messaġġ kontemporanju marbut mat-tifsira vera tal-Milied.
Dan is-sit tkellimna ma’ żewġt itfal li kollhom eċċitament, kienu għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet biex illejla jagħmlu l-prietka tal-Milied.
Jean Attard Zammit għandu disa’ snin u fl-aħħar tliet ġimgħat irnexxielu jitgħallem bl-amment il-prietka tat-tifel, biex ikun jista’ jagħmilha fl-Iskola ta’ Stella Maris fil-Gżira quddiem folla ta’ tfal u għalliema.
Jean qalilna li mar minn jeddu għand is-surmast għaliex xtaq li jagħmel din il-prietka biex jagħti gost lil Ġesù, u fisser magħna li l-aktar biċċa li hija għal qalbu mill-prietka hija dik fejn jitlob lil Ġesù biex ineħħi l-qlub tal-ġebel li jinsabu f’ħafna nies.
Ritratt: Jean Attard Zammit
B’ħafna sagrifiċċju u anke ħin waqt il-break tal-iskola, Jean irnexxielu jitgħallem il-prietka u fissrilna li dan se jkun mument li mhu se jinsieh qatt.
David de Carlo, li għandu 10 snin, ukoll se jagħmel il-prietka tat-tifel, din id-darba fil-knisja ta’ Burmarrad. David qalilna li beda jistudja l-prietka f’Awwissu li għadda u kien determinat li jnaqqas mill-attivitajiet tas-sajf biex ikun jista’ jilħaq jitgħallem il-prietka qabel jibda l-iskola, u b’hekk ma jitlifx mill-istudju u t-tagħlim.
Fil-prietka tiegħu, David se jkun qed jitlob lil Ġesù għall-paċi fid-dinja: “Ġesù, agħmel li d-dinja kollha tgħix fil-paċi kif tixtieq int!”
Ritratt: David de Carlo
Intant, wara l-quddiesa ta’ nofsillejl, imbagħad, saret drawwa li l-Maltin joħorġu jieħdu dak li hu l-aktar magħruf bl-Ingliż bħala l-Early Christmas Breakfast, fejn mijiet ta’ ristoranti f’Malta u Għawdex jilqgħu eluf ta’ Maltin li jieħdu l-kolazzjon ta’ Jum il-Milied fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
Wara l-attivitajiet ta’ lejlet il-Milied, il-Maltin ikomplu jiċċelebraw il-festa tal-Milied l-għada, fil-ġurnata tal-25 ta’ Diċembru.
Normalment dan isir bl-ikliet tradizzjonali tal-Milied fejn il-familji jiltaqgħu għand xulxin biex jieklu ikla kbira ħalli jiċċelebraw din il-festa. Hawnhekk jispikka l-ikel tradizzjonali Malti tal-Milied, bħalma huwa d-dundjan, u dejjem tinżel għasel xi ikla li tintemm bil-qagħaq tal-għasel, l-ixkumvat u xarba imbuljuta.
F’dawn il-ħinijiet, parti mill-programm tal-Milied ikun jinkludi li l-familji fi djarhom isegwu l-barka tal-Papa, flimkien ma’ miljuni oħra madwar id-dinja, fuq it-televiżjoni dirett mill-Vatikan.
Waqt din il-barka, ‘Urbi et Orbi’ – kif inhi magħrufa – il-Papa jagħti l-awgurju tiegħu lin-nazzjonijiet kollha tad-dinja bil-lingwi tagħhom, inkluż bil-Malti. Tradizzjoni li kien bdieha l-mibki Papa Ġwanni Pawlu II.
U fl-aħħar snin, grazzi għas-solidarjetà tal-Maltin, il-Milied ħa wkoll tifsira ġdida fejn il-poplu bi ħġaru jgħin lil min hu fil-bżonn permezz ta’ numru ta’ inizjattivi u avvenimenti, partikolarment l-Istrina, li ssir l-għada tal-Milied, f’dik li nafuha bħala Boxing Day.
Ix-xahar ta’ Diċembru kollu jkun miżgħud b’attivitajiet minn għaqdiet u entitajiet li jagħmlu ġabriet ta’ flus bil-għan li jingħataw għal persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Minkejja li l-Milied hu festa Nisranija, din tiġi ċċelebrata wkoll minn ħafna nies li mhumiex ta’ twemmin Nisrani u dan ikompli jżid mal-ispirtu ta’ ferħ li ma jbatti xejn f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
//= $special ?>