Lokali

Jagħmel għalihom talli waqqfuh milli jaqdi l-bżonnijiet naturali fil-pubbliku!

Jekk in-natura ssejjaħlek, irrispondi. U jekk xi ħadd jipprova jwaqqfek, agħmel għalih.

Hekk kienet il-filosofija ta’ raġel, aktarx ta’ nazzjonalita’ barranija, li fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa agredixxa xi Pulizija meta dan twaqqaf għax kien qed jaqdi l-bżonnijiet naturali tiegħu fil-pubbliku!

Ir-raġel, li kien ċar li kien xurban, beda jinsulenta u joffendi kemm lill-Pulizija kif ukoll lil Malta u offra reżistenza meta l-Pulizija pprovaw jarrestawh.

Il-każ seħħ fi Triq San Ġorġ, f’Paceville, preċiżament quddiem il-kumpless ‘The Axis’.

Ir-raġel ittieħed lejn l-Għassa ta’ San Ġiljan, wara hu ttieħed lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana fejn anke’ hemmek kompla jinsulenta lill-Pulizija u rrifjuta li jiġi eżaminat.

Aktar tard ir-raġel talab skuża lill-Pulizija u qalilhom li xtaq li jinħeles. Mhux mistenni li r-raġel jitressaq il-Qorti b’arrest u jekk jitressaq, jitressaq biss b’ċitazzjoni.