Omm ta’ triplets tirrakkonta kif l-aħbar li kien se jkollha triplets l-ewwel ħasditha u xxukkjatha, iżda mbagħad ġabet lilha u lil żewġha ferħ tripplu … esperjenza unika li għadhom jgħixuha sal-ġurnata tal-lum
“Li l-Bambin jibgħatlek ‘bambin’ lejlet il-Milied hi xi ħaġa kbira ħafna, imma li l-Bambin jibgħatlek tliet ‘bambini’ lejlet il-Milied hi xi ħaġa meraviljuża ħafna”. Hekk qalet ma’ In-Nazzjon Diane Fenech, omm it-triplets li llum għandhom 13-il sena u li lilha u lil żewġha bidlulhom ħajjithom ta’ taħt fuq. Omm it-tliet triplets, Marija, Martina u Sheryl, irrakkontat li meta kienu saru jafu li kien se jkollhom triplets inħasdu għax dan kien ifisser li riedu jagħmlu kollox għal tliet darbiet.
Madankollu, daħlu għal din il-biċċa xogħol b’ruħhom u b’ġisimhom, bl-aktar ħaġa importanti f’dan l-istadju kien li jsalvaw lit-tliet ulied. Spjegat li mill-kellhom ħafna għajnuna mill-ġenituri rispettivi, filwaqt li Diane kellha tieqaf ukoll mix-xogħol tagħha ta’ għalliema ma’ Skola tal-Knisja. Qalet li oħt it-triplets, Kimberly li llum għandha 14-il sena, ukoll kienet tagħti d-daqqa ta’ id kif taf għalkemm hi akbar minn ħutha sena biss.
Ma’ In-Nazzjon, Diane fissret li żewġha Christopher kien jaħdem qatigħ mhux biss biex jaqla’ l-ħobżna ta’ kuljum, iżda wkoll biex jagħti daqqa ta’ id fil-bżonnijiet tad-dar. L-ispejjeż kienu kbar dejjem f’kull stadju tat-trobbija. Meta kienu żgħar spejjeż mod, iżda meta kibru spejjeż mod ieħor ta’ aktar ħwejjeġ, edukazzjoni, ħruġ u affarijiet oħrajn.
Diane Fenech tispjega li meta t-tfal kienu għadhom żgħar l-aktar diffiċli li kienet tħabbat wiċċha kienet is-sitwazzjoni tal-mard. Madankollu, tgħid li jekk fil-ħajja ħteġilhom ibatu ħafna, il-ferħ u s-sodisfazzjon kienu t-tripplu. Illum il-ġurnata Marija u Sheryl iħobbu ħafna l-pjanu, filwaqt li oħthom Martina tibbrilla l-aktar fil-lingwi. L-omm tispjega li huma bniet riservati ħafna u ma jaqblu kważi f’xejn.
Aqraw aktar fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon.
//= $special ?>