Lokali

Tiġi organizzata l-attivita’ ‘Gowl għall-Istrina’

Din is-sena l-attivita’ “Gowl għall-Istrina” laħqet is-sitt sena tagħha: inizjattiva annwali li sena wara oħra tkompli tara s-sehem ta’ rappreżentanti sportivi minn programmi li jidhru fit-televizjoni Malti.

L-attivita’, organizzata f’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, saret it-Tlieta, 23 ta’ Diċembru, fil-Grawnds tal-Luxol, bejn l-4pm u l-10pm, bl-attendenza tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca.

B’logħob tal-futbol għaddej bla waqfien, l-għan ta’ din l-attivita’ baqa’ l-istess, dak li jinġabru fondi b’risq min hu fil-bżonn bħala parti mill-attivitajiet għall-Istrina.

L-avveniment ta’ din is-sena kien l-ikbar wieħed fis-snin kollha li ilha tiġi organizzata, bil-kontribut mill-programmi sportivi prinċipali, membri, irġiel u nisa, mit-timijiet tal-futbol lokali, tim li kien jinkludi membri mill-MFA, u saħansitra tim b’ġurnalisti sportivi.

Kien hemm ukoll tim magħmul minn ħaddiema li jagħtu sehemhom fit-tliet programmi sportivi prinċipali, dawk tan-NET, tal-ONE u tat-TVM.

Is-somma li nġabret permezz ta’ din l-attivita’ se tiġi preżentata nhar il-Ġimgha, fil-qofol tal-maratona ġbir ta’ fondi tal-Istrina.