Sinagoga antika li nstabet mal-kosta tal-Baħar tal-Galilea, setgħet kienet tempju fejn Ġesu’ kien ippriedka fih.
L-arkejologi kienu qed jiskavaw il-fdalijiet ta’ 2,000 sena, li jmorru lura għas-Seklu 1, fil-belt ta’ Migdal fit-Tramuntana ta’ Iżrael. Hu maħsub li l-belt tinsab fuq dik li kienet l-eqdem belt ta’ Magdala, raħal twelid Marija l-Maddalena, waħda mill-segwaċi devoti ta’ Ġesu’.
Matul l-iskavar bi tħejjija għall-bini ta’ lukanda ġdida max-xatt tal-Baħar tal-Galilea, l-arkejologi skoprew blata mnaqqxa bl-aktar mod delikat u li turi menorah, kandilabru għal seba’ xemgħat li hu s-simbolu tal-Ġudaiżmu.
Issa l-Leġjuni ta’ Kristu, l-organizzazzjoni Kattolika li hi s-sid tal-art fejn instabet is-sinagoga, issa qed isostnu li Ġesu’ innifsu seta’ ippriedka hemmhekk.
Father Eamon Kelly, il-viċi kap tal-Pontificial Institute Notre Dame of Jerusalem Centre, fisser li issa hemm evidenza b’saħħitha li Ġesu’ ippriedka fis-sinagoga. Hu qal li “din hi l-ewwel sinagoga li qatt ġiet skavata fejn Ġesu’ mexa u ppriedka”.
“Kien rabbi bravu. Jekk timxi minn Nażżaret għal Betsajda sa Kafarnaum, se ssib ruħek hawn.”
Father Kelly qal li għalkemm Ġerusalemm u Betlem huma assoċjati ma’ Ġesu’, il-Mulej fil-fatt qatta’ 80 fil-mija ta’ ħajtu jgħix fejn illum hi t-Tramuntana ta’ Iżrael.
Il-Vanġelu ta’ San Mattew fil-Bibbja wkoll isemmi lil Ġesu’ jiekol f’Magdala.
Sakemm inbniet il-belt ta’ Tiberias, l-unika belt fix-xatt tal-Punent tal-Baħar tal-Galilea kienet Magdala, li kienet tinsab tul ir-rotta antika għall-kummerċ mill-Eġittu sas-Sirja.
//= $special ?>