Huwa meta ningħaqdu, li nistgħu nifhmu wieħed lill-ieħor, li nistgħu nagħdru lil xulxin, u li nkunu ta’ spalla għal xulxin fil-mumenti diffiċli tal-ħajja.
Dan kien l-awgurju li wasslet il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fil-messaġġ tagħha għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena, l-ewwel wieħed minn mindu assumiet il-Presidenza.
L-2014 kienet sena li matulha Malta ċċelebrat anniversarji importanti, li servew biex bħala poplu nirriflettu fuq il-ġrajjiet li sawwruna. Il-President appellat biex in-nies jagħrfu li m’hemmx preżent mingħajr passat, u li l-istudju korrett tal-passat hu indispensabbli għall-maturazzjoni tal-poplu f’kuntest demokratiku.
Matul din is-sena, qalet il-President, kien hemm numru ta’ istituzzjonijiet li għad iridu jirbħu l-fiduċja sħiħa tal-poplu. Kulħadd f’dawn l-istituzzjonijiet, kemm il-ħaddiema ċivili kif ukoll bl-uniformi, flimkien mas-superjuri tagħhom u tal-politiċi, għandhom jaħdmu biex jerġghu jiksbu l-fiduċja tal-poplu.
Il-President ta’ Malta tkellmet ukoll dwar anniversarji f’kuntest internazzjonali, fosthom il-100 sena mill-bidu tal-Gwerra l-Kbira u l-25 anniversarju mit-twaqqiegħ tal-ħajt ta’ Berlin.
Marie Louise Coleiro Preca qalet li s-silenzju hu immorali u ħeġġet biex kull bniedem jirrakkonta lill-uliedu l-istejjer ta’ meta l-bniedem falla meta poġġa l-vjolenza qabel il-ħniena u r-raġuni.
//= $special ?>