Internazzjonali Kurżitajiet

Tikri pub biex tagħmel ikla kbira għal persuni li jgħixu waħidhom

Betty Williams, anzjana ta’ 86 sena, irriservat kull mejda f’pub lokali sabiex persuni li jgħixu waħidhom ikunu jistgħu jgawdu ikla flimkien matul dan il-Milied.

L-armla u eks għalliema tal-iskola kriet pub sabiex issir ikla għal 50 persuna li qatt ma ltaqgħet magħhom qabel – bi spiża li mistennija tlaħħaq 1,000 Lira Sterlina – u dan sabiex ma jkomplux jaqgħu fis-solitudni.

Betty Williams, li tgħix f’West Hill fil-Lvant ta’ Devon, irriservat kull mejda f’The Lamb and Flag Pub f’Ottery St. Mary u se tkun hi li tħallas il-kont għal ikla dundjan u flixken tal-inbid.

Il-pensjonanta, li oriġinarjament kienet se żżomm l-identita’ tagħha mistura, tilfet lil żewġha 12-il sena ilu, u sabet ruħha waħidha, speċjalment fil-perijodu tal-Milied peress li fadlilha ftit qraba u ma tistax tivjaġġa.

U din is-sena, għax kienet determinata li ma terġax tiekol waħidha, kriet il-pub u estendiet invit miftuħ lil persuni li jgħixu waħidhom.

Williams, li ma kellhiex tfal, irċeviet donazzjonijiet ta’ aktar minn 1,000 ewro saħansitra mill-Istati Uniti u mill-Olanda. Dan wara li t-talba dwar is-suġġeriment tagħha daret mal-erbat irjieħ tad-dinja.