Raġel tniżżel minn fuq ajrplan tal-linja tal-ajru American Airlines f’La Guardia Airport ta’ New York wara li qabad jgħajjat u jirrabja għax żewġ ħaddiema abbord it-titjira awgurawlu l-Milied it-tajjeb.
Kollox beda meta uffiċjal tal-linja tal-ajru iċċekkjat il-biljett tal-passiġġier u awguratlu tal-Milied. Imma hawn ir-raġel, li ma ġiex identifikat, qabad jgħajjat u jirrabja magħha.
“M’għandekx tawgura lin-nies tal-Milied għax mhux kulħadd jiċċelebrah,” qalilha r-raġel. Iċċassata b’dak li kien għadu kif ġara, staqsietu x’suppost tgħid f’dan iż-żmien, u hu reġa’ qabad jgħajjat li m’għandiex tgħid “Merry Christmas.” Kien hawn li r-raġel qabad, għadda minn ħdejha u daħal fl-ajruplan.
Imma kif kien fl-ajruplan, tfajla oħra mpjegata mal-istess linja tal-ajru tbissmitlu u ġenwinament, mingħajr ma kienet taf b’dak li għadu kif ġara, awguratlu “Merry Christmas.” Ir-raġel din kien jonqsu u reġa’ qabad jgħajjat u jirrabja.
Il-ħaddiema abbord it-titjira ppruvaw jikkalmaw lir-raġel, imma hu rrifjuta u iktar għajjat. Kien għalhekk li ma kien fadal l-ebda għażla ħlief li jitniżżel mill-ajruplan fost iċ-ċapċip u l-għajjat tal-passiġġiera l-oħra.
//= $special ?>
