Lokali

Valletta fost l-aqwa postijiet biex iżżurhom fl-2015

Il-Belt Valletta hija wieħed mill-aktar postijiet li wieħed għandu jżur fis-sena 2015.

Il-belt kapitali ta’ Malta tniżżlet fil-lista tal-aqwa postijiet li wieħed għandu jżur matul l-2015 skont ir-rivista popolari Travel + Leisure.

Ir-rivista ‘Travel + Leisure’ hija bbażata fi New York fl-Istati Uniti u għandha ċirkulazzjoni ta’ miljun persuna kull darba li tinħareġ edizzjoni ġdida ta’ din ir-rivista.

L-artiklu, intitolat ‘Best Places to Travel in 2015′, jagħti ħarsa lejn 52 post li r-rivista tissuġerixxi bħala l-aqwa postijiet fid-dinja li wieħed għandu jżur fl-2015.

L-artiklu jgħid li l-Belt Valletta għandha nofs millenju ta’ storja ippakkjata f’inqas minn nofs ta’ mil kwadru, b’katidral, knejjes, palazzi, turġien u toroq stil barokk u veduti mill-isbaħ tal-baħar u tal-Port il-Kbir.

Il-proġett tad-daħla tal-Belt ukoll jolqot għajn l-awtriċi tal-artiklu, li tgħid li l-proġett mill-Perit ta’ fama mondjali Renzo Piano għandu jsaħħar lil dawk li għandhom għal qalbhom l-arkitettura.

Fost postijiet oħra li Travel + Leisure jissuġerixxi biex wieħed iżur hemm il-belt ta’ Rotterdam fl-Olanda, il-belt ta’ Istanbul fit-Turkija, Chengdu fiċ-Ċina, Las Vegas fl-Istati Uniti u l-Bahamas.

Aqra l-artiklu sħiħ billi tagħfas hawn.

 

Valletta best places to travel in 2015