SERIE A – Gianfranco Zola nħatar kowċ tal-klabb tas-Serie A Cagliari.
L-eks internazzjonali Taljan ta’ 48 sena se jkun qed jieħu post Zdenek Zeman li tkeċċa aktar kmieni din il-ġimgħa bil-klabb fit-tielet post mill-aħħar.
Zola, eks manager ta’ West Ham, li temm il-karriera bħala plejer proprju ma’ Cagliari, ilu ma jmexxi tim sa minn meta telaq lil Watford fl-2013.
Cagliari qalu li l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ li se jmexxi Zola se tkun il-Ħadd hekk kif jibdew jippreparaw għal-logħba li jmisshom kontra Palermo fis-6 ta’ Jannar.
Zola li għamel seba’ staġuni bħala plejer ma’ Chelsea, beda l-karriera tiegħu ta’ kowċ ma’ West Ham imma tkeċċa fl-2010 wara anqas minn sentejn fil-kariga. Huwa mexxa lil Watford fl-2012 qabel irriżenja f’nofs it-tieni staġun tiegħu.
Cagliari rebħu biss tnejn mill-ewwel 16-il partita dan l-istaġun li għadhom qatt ma rebħu f’darhom li hu l-aktar rekord negattiv li ħa miegħu Zeman mill-kowċis kollha fis-Serie A.
Zola se jkollu jassistih lill-eks sieħbu ma’ Chelsea, Pier Luigi Casiraghi.
Zola kowċ ta’ Cagliari


