Internazzjonali Lokali

Filmat – 10 snin mit-Tsunami: X’ġara dakinhar?

Bħal-lum għaxar snin, kif qed jiġri llum, il-poplu Malti kien qed isegwi u jgħin fl-Istrina. Meta wara nofsinhar, waslet l-aħbar tat-Tsunami  fl-Ocean Indjan. Tsunami li qatel kwart ta’ miljun persuna.

Tkellimna ma’ Peppi Azzopardi fuq dak li ġara dakinhar. Ġimgħa wara saret ġabra oħra, din id-darba b’risq il-vittmi tat-Tsunami.

Fil-jiem ta’ wara, crew minn Net Television kien mar fis-Sri Lanka. Tkellimna ma’ Roderick Agius, li flimkien mal-mibki David Chircop kien mar u għex id-diżastru li ħalla warajh it-Tsunami.

Roderick jiddiskrivi dak li raw b’għajnejhom bħala xena tal-bieki,  t’emozzjoni.

Illum, għaxar snin wara, it-talb, biki u ċ-ċerimonji solenni karaterizzaw il-ġurnata fix-Xlokk tal-Asja.

Fis-26 ta’ Diċembru tal-2004, il-mewġ kawżat mit-terrimot kisser il-kosta ta’ 14-il pajjiż mill-Indonezja sas-Somalja, f’diżastru naturali bla preċedent fl-istorja naturali.

Fost il-vittmi kien hemm eluf ta’ turisti barranin li kienu marru għall-btajjel tal-Milied.

Iċ-ċerimonji ta’ tifkira m’humiex isiru biss fix-Xlokk tal-Asja imma anki f’dawk il-pajjiżi li tilfu ħafna cittadini tagħhom waqt li kienu fuq btala. Fost dawn hemm l-Awstralja u l-Iżvezja.

Illum, ħafna mill-postijiet milquta nbnew mill-ġdid u hemm sistemi ta’ alert u evakwazzjoni fil-każ ta’ repetizzjoni ta’ dak li ġara għaxar snin ilu.

(Ara l-filmat t’hawn fuq)