Internazzjonali

Għaxar snin ilu kien seħħ it-tsunami

Servizzi ta’ tifkira qed isiru fl-Indoneżja u f’pajjiżi oħrajn, għall-vittmi tat-tsunami li ħakem l-Oċean Indjan, fl-għaxar anniversarju tad-diżastru.
Aktar minn 200,000 persuna mietu meta terremot taħt il-baħar ħoloq mewġ kbir fis-26 ta’ Diċembru 2004.
Sadattant fit-Tajlandja, in-nies qed fakkru l-anniversarju b’serje ta’ avvenimenti solenni u riti reliġjużi matul il-ġurnata.
Fil-villaġġ żgħir tas-sajd ta’ Ban Nam Khem, fil-provinċja ta’ Phang Nga, in-nies xeħtu l-fjuri f’ħajt ta’ tifkira li juri l-ismijiet tal-vittmi. Il-villaġġ kien inqered minn mewġ enormi. Kważi 5,500 persuna mietu fit-Tajlandja – nofshom kienu turisti.
Kommemorazzjoni u ċeremonja reliġjuża saret għal vittmi Ġermaniżi, Awstrijaċi u Żvizzeri f’Khao Lak fit-Tajlandja.
Fis-Sri Lanka, il-ferrovija Ocean Queen Express – li saret simbolu tat-traġedja għall-pajjiż – kienet fiċ-ċentru ta’ avvenimenti kommemorattivi.
L-Iżvezja, li tilfet aktar minn 500 ċittadin fid-diżastru, organizzat servizz ta’ tifkira fil-Katidral ta’ Uppsala lbieraħ. It-tsunami wkoll ħakem lil Bangladesh, Myanmar, il-Malasja, il-Maldives imbagħad kien laħaq il-Kenja, is-Somalja u t-Tanżanija.

Aktar f’IN-NAZZJON ta’ għada u NET NEWS illejla