Internazzjonali

Il-President Russu Vladimir Putin ħassar il-vaganzi tal-Ewwel tas-Sena tal-ministri tiegħu

Il-President Russu Vladimir Putin ħassar il-vaganzi tal-Ewwel tas-Sena tal-ministri tal-gvern minħabba l-kriżi ekonomika li qed taħkem lill-pajjiż.

Matul laqgħa tal-gvern li xxandret fuq it-televiżjoni lbieraħ nhar il-Milied, Putin qal li l-ministri tal-kabinett “ma jaffordjawx” li jieħdu ġurnata vaganza.

L-impjegati fir-Russja huma intitolati għal vaganza mill-1 ta’ Jannar sat-12 ta’ Jannar, perijodu li matulu r-Russi jiċċelebraw is-Sena l-Ġdida kif ukoll il-Milied Ortodoss.

“Għall-gvern, għall-aġenziji tagħkom, ma nistgħux naffordjaw din il-vaganza twila, tal-inqas din is-sena – intom tafu għaliex,” qal Putin.

Prezzijiet baxxi taż-żejt laqtu l-ekonomija tar-Russja li hi dipendenti mill-enerġija, u r-rublu niżel ħafna fil-valur tiegħu din is-sena.

L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea introduċew sanzjonijiet fuq ir-Russja talli appoġġjat lis-separatisti fil-Lvant tal-Ukrajna u talli għaqdet il-Krimea magħha.

Il-Prim Ministru Dmitry Medvedev avża kmieni din il-ġimgħa li l-ekonomija tar-Russja riesqa lejn “riċessjoni qawwija”.