Qorti

Mhux ħati li disa’ snin ilu stupra lil martu

Raġel ta’ 43 sena mill-Belt, Valletta ġie illiberat minn akkużi li huwa stupra lil martu f’Ottubru tal-2005 meta l-koppja kienet separata. L-allegat stupru kien seħħ fl-appartament tal-mara l-Imsida, imma l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marsaenne Farrugia, iddubitat ħafna l-verżjoni ta tat il-mara għal mod kif seħħ il-każ.

Mix-xhieda ħareġ kif fit-23 ta’ Ottubru ta’ disa’ snin ilu il-mara u t-tliet uliedha, ta’ 11, 10 u 3 snin kienu marru f’ħanut tax-xorb u hemm kienu ltaqgħu ma’ Anthony Cremona. Dak iż-żmien il-koppja kienet ilha sseparata għal madwar sentejn u huwa kien ipprova jgħannaqha, iżda qaltlu biex iħalliha bi kwietha.

Għall-ħabta tal-11.30pm, huwa mar id-dar tagħha u daħħlitu ġewwa u dak il-ħin it-tfal kienu reqdin. Huma bdew jitkellmu fil-kċina u wara marret fil-kamra tas-sodda fejn it-tifel iż-żgħir kien rieqed. Skont il-mara, dan daħal wara fil-kamra, neħħa l-ħwejjeġ, bil-forza neħħa l-ħwejjeġ tagħha u kellu x’jaqsam magħha.

Fi stqarrija li kien ta lill-Pulizija, r-raġel kien ammetta li kellu x’jaqsam sesswalment mal-ex mara tiegħu, iżda qal li huwa waqaf meta din qaltlu biex ma jkomplix. Huwa qal ukoll li kien iddispjaċih għal dak li kien għamel.
Din ix-xhieda kienet ikkolaborata mix-xhieda li tat il-mara fil-Qorti.

“Il-Qorti ma tistax tifhem b’mod speċjali kif il-mara allegat li kienet stuprata mill-akkużat xahar qabel, għax din kellu jkollha suspett fuq l-aġir ta’ dak li kien żewġha, u għahekk hi setgħet faċilment talbitu biex jitlaq jew titlob għal għajnuna. Minflok iddeċidiet li waqt li kien hemm hu preżenti, tmur fil-kamra tas-sodda”, qalet il-Maġistrat Farrugia.

Il-Ġinekologu Ivan Galea, li huwa espert imqabbad mill-Qorti u li eżamina lis-Sinjura Cremona, sab biss ftit grif fuq l-idejn, li setgħu kienu kkawżati b’qabda kemmxejn b’saħħitha ta’ suba’, iżda l-mara ma kellha l-ebda ġrieħi fil-parti ġenitali tagħha, kif huwa n-normal li jinstabu f’każijiet ta’ stupru.

Il-Qorti qalet li l-ġrieħi superfiċjali ma kienu kompatibbli ma stupru vjolenti kif kien deskritt mill-mara. Il-Maġistrat Farrugia ikkunsidrat ukoll il-fatt li l-mara kienet ukoll fl-istadju li twaqqa’ l-każ, u li iżda għal xi raġunu reġa’ bdielha. Wara qalet li kienet reġgħet se taħfer lill-ex raġel tagħha u qalet li kienet qed taħfirlu għax kien missier it-tliet uliedha.

Fid-dawl ta’ dawn l-inkonsistenzi kollga u l-provi mediċi, il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova mingħajr dubju raġonevoli skont il-liġi. Is-Supretendent Stephen u l-Ispettur Sandra Zammit mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li għar-raġel deheru l-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili.