Lokali

Aġġornata: Allegat każ ta’ vjolenza fuq raġel li ħa ritratt ta’ Surġent jiskarta x-xogħol – il-Pulizija qed tinvestiga

Aġġornata

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li b’referenza għall-allegat inċident li seħħ ġewwa stabbiliment f’Paceville  fejn kien involut ġuvni u Surġent tal-Pulizija, qed issir investigazzjoni mill-Pulizija.

Il-Pulizija qalet li l-inċident beda jiġi investigat ftit wara li wasal ir-rapport fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija tard ilbieraħ filgħaxija.

Intant, f’kummenti lill-midja, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ bdew mill-ewwel hekk kif daħal l-ilment. Qal li l-Korp tal-Pulizija m’hu se jkun qed jgħatti lil ħadd, filwaqt li sostna li mhux se jittieħdu passi dixxiplinarji qabel ma jkunu lesti l-investigazzjonijiet kollha.

Iktar kmieni…

Raġel li ħa ritratt ta’ Surġent jixrob waqt li kien liebes l-uniformi tax-xogħol spiċċa aggredit fiżikament minn dan l-istess surġent u xi Pulizija li kienu miegħu. Każ li dwaru r-raġel għamel rapport uffiċjali lis-Sezzjoni tal-Affarijiet Interni tal-Pulizija biex jiġi investigat.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3.30 ta’ filgħodu, meta r-raġel lemaħ lil Surġent preżenti fil-klabb tan-nisa ‘Stiletto’ ġewwa Paceville, jixrob mal-bar “b’mod li żgur deher li ma kienx f’sikktu biex jaqdi d-dmir tiegħu bħala Pulizija.”

Malli r-raġel ra lis-Surġent jixrob u jiskarta minn xogħolu, ir-raġel ħa ritratt iżda malli ntebaħ b’dan, is-Surġent mar fuq ir-raġel, li fir-rapport tiegħu lill-Pulizija qal “qabadni minn għonqi biex inħassar ir-ritratt”.

Ir-raġel ikompli jispjega li m’aċċettax li jħassar ir-ritratt, għax kellu dritt jieħu ritratt f’post pubbliku u dan wassal biex kemm is-Surġent kif ukoll xi Pulizija oħra li kienu fil-kumpanija tiegħu, qabduh minn spallejh u kaxkruh ‘il barra. Hu tpoġġa fuq is-sufan bir-raġel jispjega li “s-Surġent daħħal idejh fil-but biex jieħu l-mobile, filwaqt li pulizija ieħor beda jirwili idejja biex ma nkunx nista’ nirreżisti”.

Kien hawnekk li s-Surġent reġa’ refa’ jdejh fuq ir-raġel u tah daqqa fuq ħalqu talli kien qed jgħidlu li l-liġi tispeċifika li l-publikazzjoni ta’ ritratt jikkonstitwixxi f’reat, u mhux it-teħid innifsu tar-ritratt, u għaldaqstant hu ma kien qed jagħmel xejn illegali. Kien hawnekk li qal lir-raġel “għadek ma tafx min jien” u li r-raġel ma jaqbillux li jtawwal ilsienu għax hu jiġi “ABŻ” minn kollox.

“Għadek ma tafx min jien” – is-Surġent lir-raġel

Għall-insistenza tar-raġel li ma jagħtix il-mowbajl tiegħu lis-Surġent, ir-raġel jirrakonta li s-Surġent staqsieh jekk kienx qed jibża’ li jsiblu xi ritratti pornografiċi tat-tfal fil-mowbajl.

Minn hawnekk ir-raġel ittieħed lejn vann tal-Pulizija u fir-rapport tiegħu jgħid li kien hawnekk li l-Pulizija ħadu l-mowbajl tar-raġel li kien fiha l-‘SD Card’ bir-ritratti. Wara ftit, il-Pulizija qalulu li seta’ jmur, iżda l-‘SD Card’ baqgħet ma kinitx irritornata għand ir-raġel.

“Ninsab imħasseb ħafna dwar dan, speċjalment fid-dawl tat-theddida sottili tas-Surġent meta semma r-ritratti pornografiċi ta’ tfal taħt l-eta’. Wieħed jispera li din l-‘SD Card’ ma titfaċċax minn x’imkien b’xi ritratti pornografiċi ta’ tfal taħt l-eta’, għaliex jekk dan iseħħ, ikun ‘frame-up’ mill-aktar malizzjuz,” jgħid ir-raġel fir-rapport tiegħu.

“Wara li ħaduli l-SD Card, din ma rritornat qatt… jekk titfaċċa minn x’imkien b’xi ritratti pornografiċi tat-tfal, ikun ‘frame-up’ mill-aktar malizzjuz” – ir-raġel fir-rapport tiegħu.

Intant, l-ilment tar-raġel ġie ndirizzat lis-sezzjoni tal-Affarijiet Interni tal-Pulizija biex ikunu jistgħu jieħdu passi kontra dan “l-aġir inkompetenti, irresponsabbli u malizzjuz” tal-Pulizija.