Internazzjonali Kurżitajiet

Daqshekk malji tal-għawm waqt il-‘Miss World’

Il-konkors tas-sbuħija ‘Miss World’ m’għandhux jinkludi aktar is-sezzjoni fejn il-konkorrenti jilbsu l-malji tal-għawm — jew il-‘bikini round’, kif inhi magħrufa madwar id-dinja.

Dan meta l-organizzaturi tal-‘Miss World’iddeċidew li jgħaddu mingħajr il-parti tal-avveniment fejn in-nisa jippużaw u jieħdu sehem fl-isfilati bil-malji, għall-ewwel darba wara 63 sena.

Julia Morley, iċ-Chairperson tal-Miss World, qalet li ‘m’għandhiex bżonn li tara n-nisa jippużaw bil-bikini għaliex din il-parti tal-pageant, fil-verita, ma tagħmel xejn biex tavvanza l-interessi tal-mara’.

Morley qalet li aktar minn sitwazzjoni fejn in-nies jintilfu ‘esklussivament’ fid-dehra fiżika tal-mara, hu daqstant ieħor importanti li ‘jisimgħu lill-konkorrenti jesprimu l-fehmiet tagħhom’.

Fl-1951, l-Iżvediża Kiki Hakansson saret l-ewwel rebbieħa tal-Miss World, fejn ingħatat il-kuruna bħala r-Reġina tas-Sbuħija fuq il-palk, hi u liebsa l-bikini.

Minn dak iż-żmien ‘il hawn, l-avveniment tal-kostum tal-għawm — jew bikini — baqa’ aspett popolari tal-konkors ‘Miss World’ għalkemm, fl-2001, l-organizzaturi ddeċidew li dan ma jsirx fuq il-palk iżda bħala photo-shoot privat.