Lokali

Il-Maltin jibqgħu jħallsu prezz ogħla għall-fjuwil minn pajjiżi oħra tal-UE

Wara sena li l-prezz taż-żejt fl-Ewropa kompla dejjem jinżel, is-sewwieqa Maltin għadhom iħallsu prezz ogħla għall-fuel minn sewwieqa f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Għalhekk il-mistoqsija tibqa’ dik jekk il-gvern għandhux jabbanduna l-hedging agreement li kien għamel. Ftehim li wassal biex anke meta l-prezz taż-żejt fuq livell internazzjonali naqas f’Malta ma naqasx. Fatt li kien ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat stess f’Mejju ta’ din is-sena.

Skont analiżi li saret mit-Times, sal-bieraħ stess Malta kellha l-ħames l-aktar prezz għoli tal-petrol fl-Unjoni Ewropea u t-tielet l-ogħla għall-prezz tad-diesel.

L-istess artiklu fil-gazzetta pubblikata llum jgħid jekk il-gvern għandux jbiddel jew inkella jabbanduna l-ftehim li jifissa prezz għall-fuel għaliex jixtrih minn ħafna qabel. L-artiklu jsemmi wkoll kif il-Ministru għall-enerġija Konrad Mizzi kien qal li b’din is-sistema, tal-hedging, l-ekonomija tkun aktar stabbli.