Knisja Kultura Lokali

Koperazzjoni bejn il-Kristjani u l-Musulmani f’Betlem fil-Milied – soru Maltija fil-missjoni

F’Betlem fl-Art Imqaddsa, fejn Suro Patrician Crockford taħdem u sservi fil-missjoni, il-Musulmani u l-Kristjani jaqblu ħafna u jikkoperaw anke matul il-festi tal-Milied.

Fi storja ppubblikata fil-ġurnal ‘In-Nazzjon’, Suor Patricia Crockford – soru Maltija tas-St Joseph li ilha għal dawn l-aħħar 30 sena sservi fil-missjoni f’Betlem fl-Art Imqaddsa – qalet li fejn qiegħda sservi hi, il-Musulmani u l-Kristjani jaqblu ħafna u jikkoperaw anke matul il-festi tal-Milied.

Hi qalet li fl-Università ta’ Betlem, fejn hi tgħallem il-mużika, hemm 75% tal-istudenti li huma Musulmani minħabba li fil-popolazzjoni hemm ħafna iktar Musulmani milli Kristjani, imma huma jaqblu ħafna u għalhekk is-sitwazzjoni hi differenti minn dik f’pajjiżi oħra.

Matul it-30 sena li ilha sservi f’Betlem, tista’ tagħti xhieda ta’ kemm il-Musulmani sofrew minħabba li kulħadd jibża’ minnhom għax jaħsbu li malajr jistgħu jirrikorru għall-vjolenza

Hi fakkret li huma qed jgħixu taħt l-okkupazzjoni u xi kultant isiru attentati biex il-Kristjani u l-Musulmani jinfirdu u b’hekk jinħoloq l-inkwiet bejniethom. Spjegat ukoll li l-Università ta’ Betlem taħdem ħafna biex il-Musulmani u l-Kristjani jkomplu jaħdmu flimkien u ħafna studenti minn reliġjonijiet differenti jitħalltu u jagħmlu ħbieb u jibqgħu ħbieb tul ħajjithom kollha. Dan juri li huma m’għandhomx l-estremiżmu bħalma hemm f’diversi pajjiżi oħra.

Dwar il-perjodu ta’ żmien il-Milied, Suor Patricia Crockford qalet li f’Betlem hemm it-tiżjin tal-Milied fit-toroq tal-belt u l-Musulmani huma l-iktar li japprofittaw ruħhom anke mill-bliet u l-irħula fejn m’hemmx Kristjani, tant li jmorru f’Betlem u jaraw it-tiżjin tal-Milied.

Suor Crockford qalet li hemm villaġġi fejn lanqas hemm persuna waħda Kristjana, imma meta jibdew jattendu l-Università u jiltaqgħu mal-Kristjani u jaraw li dawn jitkellmu l-istess lingwa tagħhom, jaraw li l-Kristjani Għarab għandhom l-istess kultura, l-istess lingwa u l-istess problemi. Hi qalet li meta l-istudenti Musulmani jiġu l-Università jkunu sorpriżi u jgħidu li ma kinux jaħsbu li l-Kristjani huma hekk, għax huma ġusti u jaqblu mal-Musulmani. Hi qalet li fl-Università jispjegaw lill-istudenti li l-Kristjani ma jaqblux mal-vjolenza.

Suor Crockford spjegat li matul it-30 sena li ilha sservi f’Betlem tista’ tagħti xhieda ta’ kemm il-Musulmani sofrew minħabba li kulħadd jibża’ minnhom għax jaħsbu li malajr jistgħu jirrikorru għall-vjolenza.

F’messaġġ lill-poplu Malti għal żmien il-Milied, Suor Patricia Crockford qalet li tħoss li fil-missjoni tagħha qed tirrappreżenta lil Malta u anke titlob għall-Maltin fil-Grotta tan-Natività.

Ritratt: Suor Patricia Crockford – soru Maltija li ilha għal dawn l-aħħar 30 sena f’Betlem