Lokali

L-allegat każ ta’ vjolenza minn Surġent: Dubji dwar x’sar mill-filmati tal-kameras ta’ sigurta’

Hemm dubji serji dwar x’seta’ sar mill-filmati tal-kameras tas-sigurta’ tal-istabbiliment fejn seħħ l-allegat każ ta’ vjolenza mis-Surġent tal-Pulizija Ramon Mifsud Grech fil-konfront ta’ Karl Baldacchino, ġuvni ta’ 31 sena li allegatament safa aggredit u mhedded talli ħa ritratt tas-Surġent waqt li kien qed jixrob mal-bar waqt il-ħin tax-xogħol.

L-inċident, li dettalji dwaru ġew ippubblikati aktar kmieni fuq dan is-sit (agħfas hawn), wassal biex il-Pulizija fi stqarrija qalet li qed tinvestiga dan il-każ. Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar f’kummenti lill-midja qal li l-każ beda jiġi nvestigat hekk kif sar jaf bih.

Dan is-sit għandu tagħrif li fis-siegħat li għaddew, il-Pulizija marru fl-istabbiliment biex fost ohrajn jaraw u jiehdu l-filmati li nġibdu mill-kameras tas-sigurta’. Madanakollu jirrizulta li meta l-vittma, Karl Baldacchino mar id-Depot tal-Pulizija sabiex jagħti l-verżjoni tiegħu u jidentifika l-persuna li allegatament użat il-vjolenza fuqu, il-Pulizija għarfuh li ma jeżistux filmati bħala evidenza tal-inċident.

Persuni midħla ta’ stabbilimenti bħal dawn f’Paceville qalulna li huwa stramb ħafna li l-filmati sparixxew.

Dan is-sit bagħat għadd ta’ mistoqsijiet lill-Korp tal-Pulizija li sa issa għadna qed nistennew tweġiba.