20:45: Il-passaġġier Sirjan residenti ħaż-Zabbar b’passaport Malti salvat u qed jittiehed l-Italja għal aktar osservazzjoni
19:25: B’referenza għall-istqarrijiet preċedenti dwar l-inċident li fih hemm involut il-vapur Norman Atlantic; fl-operazzjonijiet ta’ salvataġġ hemm involuti tliet vapuri reġistrati Malta M/V Aby Jeanette, M/V Stelios u M/V Plana.
Fuq l-Aby Jeanette huwa rrappurtat li hemm 49 persuna li ġew salvati minn abbord in-Norman Atlantic.
18:34: Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin intqal li minkejja li hemm rapporti ta’ persuni mejta fuq il-vapur, s’issa għad m’hemmx rapporti dwar il-persuna indikata bħala resident Malti.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li possibilment, il-Malti huwa Sirjan residenti Malta.
Il-passiġġier b’passaport Malti abbord il-vapur kunjomu Almohamad
Bastiment bl-isem ta’ Norman Atlantic irreġistrat l-Italja li kien qiegħed jivvaġja fl-Adrijatiku biswit il-gżira ta’ Corfu fil-Greċja ħa n-nar f’inċident li għadu qed jiżviluppa.
Abbord l-bastiment kien hemm kważi 500 passiġġier fejn l-awtoritajiet Griegi ikkonfermaw li dawk salvati s’issa huma 150, b’rapporti fil-media jgħidu li fost il-500 passiġier hemm persuna li għandha passport Malti. L-isforzi ta’ salvataġġ li għadhom għaddejin qegħdin jiffaċjaw sfida qawwija mit-temp kiefer li qiegħed jaħkem l-inħawi.
Fil-fatt fil-lista maħruġa fuq il-media Griega n-numru 70 huwa mniżżel bħala ċertu Almohamad M ta’ Nazzjonalista Maltija kif jidher mir-ritratt hawn taħt fejn l-ittra MT tfisser Malti.
Fi stqarrija minn naħa tiegħu l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Malta filwaqt li qal li jinstab f’kuntatt kontinwu ma’ l-Awtoritajiet Taljani sabiex jikseb aktar informazzjoni kkonferma li hemm passiġġier mniżżel bħala Malti.
Minn naħa tiegħu fi ‘tweet’, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-raġel imniżżel bħala Malti aktarx huwa Sirjan li jgħix f’Malta. Qal ukoll li hemm numru ta’ bastimenti reġistrati f’Malta li qed jgħinu fl-Operazzjoni tas-salvataġġ.
It-temparatura kiesħa tal-baħar tfisser li jekk il-passiġieri li fadal jispiċċaw fil-baħar iċ-ċans li jiġu salvati ikun wieħed minimu.
Il-Maltemp joħloq problemi għall-evakwazzjoni
“Qegħdin nagħmlu kollox sabiex insalvaw dawk abbord; ħadd ma hu ser jiġi abbandunat” saħaq il-Ministru Miltiadis Varvitsiotis, responsabbli mit-trasport tal-baħar. Dan fl-isfond ta’ kummenti ta’ passiġier, mxandra fuq l-media Griega , fejn qal li n-nar u d-duħħan kienu qegħdin joħolqu sitwazzjoni ta’ periklu kbir li kienet qegħda tqanqal dubji kbar dwar kemm huwa possibli li l-passiġieri jibqgħu ħajjien f’dawk iċ-ċirkostanzi.
In-nar jidher li beda għal ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ filgħodu. In-Norman Atlantic, mibni fl-2009, jiżen 26,900 tunellata u bħallisa huwa mħaddem mill-kumpanija Griega ANEK.
Ir-rotta tal-bastiment
//= $special ?>