Lokali

€12,000 għall-Istrina b’għawma f’Tas-Sliema

Ritratti: Xandru Azzopardi

Il-kesħa tal-Ħadd filgħodu ma qathetx qalb il-parteċipanti tal-Għawma ta’ Solidarjeta organizzata ta’ kull sena mill-kumpanija Thomas Smith.

Is-somma ta’ €12,000 li nġabret minn din il-qabża se tmur kollha għall-Community Chest Fund u se tkompli tiżdied mas-somma miġbura waqt l-Istrina ta’ din is-sena.

Aħna tkellimna ma’ wħud minn dawk li ħadu sehem. Impressjonanti l-kumment ta’ waħda mill-parteċipanti li qabblet ix-xokk li tal-qabża fil-baħar kiesaħ max-xokk li persuna tħoss meta tirċievi l-aħbar li hija milquta minn xi marda kerha.

Il-qabża kienet inawgurata mill-President Marie Louise Coleiro Preca. Fil-messaġġ tagħha hija faħħret il-poplu Malti li jħaddan il-valur tas-solidarjeta u rringrazzjat lill-kumpanija Thomas Smith għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment li jittella’ kull sena.

Xi figuri interessanti dwar din l-għawma – l-iżgħar parteċipanta kienet Julia Testa Bickle – ta’ 4 snin. L-ikbar Wilfred Pirotta u Alfred Abela ta’ 78 sena. Magħhom ingħaqdu madwar 250 parteċipant ieħor li kollha għażlu li jisfidaw il-kesħa biex jipparteċipaw f’din il-Għawma ta’ Solidarjeta.