Internazzjonali

Il-Ħamas ma jħallix lil tfal orfni biex iżuru l-Iżrael

Madwar 37 tifel u tifla, li l-ġenituri tagħhom inqatlu fl-aħħar konflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani f’Gaza, ma tħallewx iżuru l-Iżrael mill-Ħamas – fi vjaġġ organizzat minn attivisti għall-paċi.

Il-Ħamas qal li t-tfal kienu se jżuru “artijiet u bliet okkupati”.

It-tfal, li l-eta’ tagħhom kienet ta’ bejn it-12 u l-15-il sena akkumpanjati minn ħames adulti, ġew ordnati biex imorru lura meta waslu f’Erez.

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li aktar minn 2,100 persuna, il-maġġoranza tagħhom Palestinjani, mietu fil-konflitt ta’ 50 jum bejn Lulju u Awwissu.

L-Iżrael qal li 67 mis-suldati tiegħu u sitt persuni ċivili nqatlu.

Iż-żjara, organizzata minn mexxejja tal-kibbutz, il-karita’ Candle for Peace u uffiċjali Għarab-Iżraeljani, kienet se tieħu lit-tfal lejn bliet Għarab f’Iżrael, zoni fin-Nofsinhar li kienu fil-mira ta’ rockets ta’ militanti fil-konflitt, skola mħallta, u xatt il-baħar f’Tel Aviv.

Skont Yoel Marshak tal-Moviment Kibbutz, żjara f’Ramallah fix-Xatt tal-Punent sabiex it-tfal jiltaqgħu mal-President Palestinjan Mahmoud Abbas, ukoll kienet pjanata.