Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona ordna s-sospensjoni tal-Kumitat Tekniku li kien qed jevalwa l-għoti ta’ liċenzja għal każino ġdid f’Malta wara li dan l-istess Kumitat kien diġa’ ħejja rapport finali.
Dan kien żvelat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta, wara li għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet lil eks-Imħallef Jeffrey Valenzia, li kien inkarigat bħala Ċermen tal-istess Kumitat.
Valenzia qal li x-xogħol tal-Kumitat ma kienx għadu konkluż imma ħafna mix-xogħol relatat mar-rapport kien diġa’ sar, tant li kien qed jistenna biss il-firma ta’ membru fil-Kumitat li kien ivvota kontrieh.
Ir-rapport kien diġa’ ġie iffirmat miż-żewġ membri l-oħra u kien eżatt fiż-żmien meta Valenzia kien qed jikkuntatja lill-membru li kien jonqsu jiffirma li irċieva email mingħand it-Taqsima tal-Privatizzazjoni tal-Gvern, li nfurmatu li l-Kumitat kien ġie sospiż, mingħajr ma ngħatat raġuni valida.
Il-Ministru Chris Cardona kien issospenda dan il-Kumitat wara li ġie nfurmat li membri li kienu fih għandhom kunflitt ta’ interess fl-għażla ta’ Eden Leisure Limited fuq Dragonara Casino, b’din tal-aħħar tallega li l-proċess tal-għażla ma tmexxiex b’mod ġust.
U minkejja li s-smiegħ fil-Qorti dwar dan il-każ ilu iktar minn xahar li ngħalaq, il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona għadu sal-lum ma ikkumentax dwar dak kollu li seħħ b’rabta ma’ dan il-każ. Dan meta kien hu stess li tenna li m’għandu l-ebda problemi jikkummenta wara li l-proċeduri fil-Qorti jiġu fi tmiemhom.
//= $special ?>