“Mhux prudenti li wieħed jikkummenta”
Il-Korp tal-Pulizija rrifjuta li jwieġeb jekk għandux filmati minn kameras tas-sigurta’ li jistgħu jgħinu fl-investigazzjoni li l-Pulizija suppost qed tagħmel b’rabta mal-allegat każ ta’ vjolenza u theddid mis-Surġent tal-Pulizija Ramon Mifsud fil-konfront ta’ Karl Baldacchino.
Ilbieraħ dan is-sit żvela li hemm dubji serji dwar x’seta’ sar mill-filmati tal-kameras tas-sigurta’ tal-istabbiliment fejn seħħ dan l-inċident, jiġifieri allegat swat u theddid mis-Surġent Ramon Mifsud fil-konfront ta’ Karl Baldacchino talli dan ħadlu ritratt waqt li kien qed jixrob mal-bar fil-ħin tax-xogħol.
Filwaqt li għandna tagħrif li l-Pulizija marru fl-istabbiliment biex fost l-oħrajn jaraw u jelevaw il-filmati li nġibdu mill-kameras tas-sigurta’, fl-istess ħin, meta Karl Baldacchino mar id-Depot tal-Pulizija sabiex jagħti l-verżjoni tiegħu u jidentifika l-persuna li allegatament użat il-vjolenza fuqu, il-Pulizija għarrfuh li ma jeżistux filmati bħala evidenza tal-inċident.
B’rabta ma’ dawn id-dubji, dan is-sit bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiġi kjarifikat jekk il-Pulizija għandiex il-filmati tas-sigurta’ tal-lejl li matulu seħħ l-inċident.
Fir-risposti tagħha, il-Pulizija qalet li l-“investigazzjoni għadha għaddejja b’mod serju u spedit, u għalekk m’huwiex prudenti li wieħed jikkummenta”.
Dan ikompli jqanqal tħassib dwar jekk l-investigazzjoni li qed issir hux qed issir b’serjeta’ u b’imparzjalita’.
Hu fatt magħruf li kull stabbiliment f’Paceville ikollu kameras tas-sigurta’ li jiffunzjonaw u għaldaqstant hu diffiċli li wieħed jimmaġina li jista’ jkun li ma jeżistux filmati minn kameras tas-sigurta’ f’klabb bħal ma huwa l-klabb fejn seħħ l-inċident, jiġifieri ‘gentlemen’s club’.
Fost il-mistoqsijiet li staqsejna lill-Korp tal-Pulizija kien hemm jekk jeżistux filmati minn kameras tas-sigurta’ li jistgħu jgħinu fl-istħarriġ u jekk, f’każ li jeżistu, jekk intalbux dawn il-filmati sabiex jassistu fl-investigazzjoni.
Ir-risposta tal-Pulizija madanakollu kienet li l-investgiazzjonijiet għaddejjin b’mod mgħaġġel u ma jkunx prudenti li wieħed jikkummenta.
Aktar kmieni dan is-sit ippubblika aktar stejjer b’rabta ma’ din l-istorja, fosthom il-verżjoni tas-Surġent involut f’dan il-każ, kif ukoll verżjoni ta’ xhud li ra l-inċident iseħħ.
//= $special ?>