Lokali

Il-verżjoni tas-Surġent: “Jien kont qed inkellem vittma li għamlulu mus m’għonqu”

Is-Surġent tal-Pulizija Ramon Mifsud li qed ikun investigat mill-Pulizija dwar allegat inċident li seħħ fi stabbiliment f’Paceville qal li minn dak li qal Karl Baldacchino, “ma hemm xejn minnu”.

Is-Surġent, f’intervista tard is-Sibt filgħaxija mal-Kap tat-Taqsima tal-aħbarijiet Fabian Demicoli, qal li hu m’għamel xejn ħażin, anzi mar jaqdi dmirijietu fl-istabbiliment Stiletto.

Is-Surġent spjega li dakinhar waslilhom rapport li kien qed jiġi aggredit persuna b’sikkina fl-Istabbiliment Stiletto. Huwa mar mmedjatament ma’ Pulizija iehor fl-istabbiliment u beda jitkellem mar-raġel li kien qed jiġi aggredit, filwaqt li qal li l-persuna li kien qed jaggredixxi lil persuna l-ohra laħaq ħarab mill-Istabbiliment.

Is-Surġent Ramon qal li f’dan il-mument ra lil bouncers ikaxkru ‘l barra mill-istabbiliment lil Karl Baldacchino. Is-Surġent qal, li hekk kif kien ħiereġ mill-istabbiliment ra lil Baldacchino mal-bouncers u hemmhekk skopra li Baldacchino tkeċċa mill-istabbiliment għax kien qed jiħu ritratt tiegħu fl-istabbiliment Stiletto.

Is-Surġent qal li hemmhekk beda jistaqsih għaliex beda jeħodlu r-ritratti, u minn naha tiegħu Baldacchino, skont is-Surġent, qallu li beda jeħodlu r-ritratti għax kien qed jixrob bl-uniformi fl-istabbiliment.

Minn naħa tiegħu is-Surġent ċaħad li kien qed jixrob u qal li hu kien qed jagħmel xogħolu.

Is-Surġent qal li meta beda jitkellem ma’ Karl Baldacchino, dan sar agressiv u kien għalhekk li poġġewh fil-vann tal-Pulizija.

Meta mistoqsi dwar l-SD card, is-Surġent qal li hu fl-ebda mument ma ra l-SD card u li kien hu l-aktar wieħed li jixtieq li tinstab l-SD card, biex jekk hemm xi ritratti tiegħu jixrob “li mhux vera” jinstabu.

Is-Surġent ċaħad ukoll li xi ħin jew iehor hedded lil Baldacchino bil-pornografija, qal li “fit-3:30pm ma jkollux mohh pornografija”

Mhux ġdid għal kontroversja

Ramon Mifsud Grech, is-Surġent tal-Pulizija f’nofs l-allegat aggressjoni kontra ż-żgħażugħ Karl Baldacchino fi stabbiliment tal-irġiel f’Paceville mhuwiex wiċċ ġdid għal kontroversja. Fis-sena 2012 Mifsud Grech u żewġ pulizija oħra kienu tressqu l-Qorti mixlija li żammu kontra l-volonta tiegħu student Franċiż waqt li dan kien fi klabb f’Paceville. Kienu wkoll mixlija li kisru l-camera tal-istess student Franċiż.

Dak in-nhar Mifsud Grech u ż-żewġ pulizija l-oħra ma’ nstabux ħatja minħabba żball tekniku fuq l-akkuża. Mressqa mill-ġdid fuq l-istess każ wara li sar it-tibdil meħtieġ fuq l-akkuża huma reġaw ġew liberati peress li l-liġi ma’ tippermettix li persuna tiffaċja l-istess akkuża fuq l-istess każ għal aktar minn darba.

F’Marzu tas-sena 2012 Mifsud Grech kien ukoll involut f’każ li seħħ fi stabbiliment tal-ikel f’San Ġiljan fejn f’nota lil Maġistrat Francesco Depasquale, l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kien saħaq li Mifsud Grech ‘aġixxa b’nuqqas ta’ professjonaliżmu’. Minn naħa tiegħu il-Maġistrat Depasquale fis-sentenza tiegħu qal li l-Qorti kienet konvinta li l-inċident ma seħħx kif kienu allegaw il-pulizija u żied jinnota li l-pulizija ‘setgħu użaw forza eċċessiva’. L-istorja kienet tinvolvi klijent tal-istabbiliment li allegatament beda jagħmel l-istorbju u li skond l-istess allegazzjoni intużat kontrih aggressjoni mill-pulizija.