Dan is-sit kiseb iktar informazzjoni dwar il-każ li seħħ ftit tal-jiem ilu f’Paceville, fejn Karl Baldacchino kien arrestat wara li ġibed ritratti ta’ Surġent f’Gentlemen’s Club.
Sorsi li tkellmu magħna infurmawna li din ma kinitx l-ewwel darba li Baldacchino kellu x’jaqsam mal-Pulizija, u dan imur lura f’każ li żvolġa madwar sena ilu u li jinvolvi wkoll lid-deputat Ewroparlamentari Laburista Joseph Cuschieri.
L-istess Cuschieri kien għamel rapport lil Pulizija fejn allega li ċertu Karl Baldacchino kien heddu permezz ta’ kuntatt bit-telefon ċellulari.
Fid-dawl ta’ dan ir-rapport, il-Pulizija ippruvaw jikkuntatjaw lil Baldacchino imma kien kollu ta’ xejn. Iktar tard, membri mill-korp tal-Pulizija kienu iltaqgħu ma’ Karl Baldacchino f’każin tal-banda f’Tas-Sliema.
Skont informazzjoni li kiseb dan is-sit, malli Karl Baldacchino lemaħ lil membri tal-korp tal-Pulizija, qabel ma’ dawn leħqu kellmuh, Baldacchino qam minn fejn kien u telaq jiġri, biex jipprova jaħrab.
Il-Pulizija irnexxielhom jaqbduh u ħaduh fl-eqreb għassa biex jagħmlulu xi mistoqsijiet. Malli ddaħħal fl-għassa, Karl Baldacchino allegatament infexx jgħajjat u jgħid kliem oxxen, filwaqt li beda jinsisti li l-Pulizija kienu qed iżommuh hemmhekk għal iktar minn 48 siegħa.
Dakinhar kienet saritlu wkoll ‘risk search’, fejn ma nstablu xejn illegali, u wara li wieġeb għal xi mistoqsijiet, hu tħalla jitlaq mill-għassa.
Dwar dan il-każ ta’ theddid, iktar tard, Karl Baldacchino ġie illiberat minn kull akkuża.
Biss, l-istess sorsi li tkellmu magħna ikkonfermaw li Karl Baldacchino issa qed jallega li dakinhar li ttieħed l-għassa kienet saritlu ‘strip search’, u mhux sempliċi ‘risk search’.
Qed jallega wkoll li l-Pulizija qed taħdem ma’ Joseph Cuschieri u qed jgħid li l-Pulizija dakinhar arrestawh biex “jagħtuh lezzjoni”.
//= $special ?>