Aħna u nistennew id-deċiżjoni tal-Papa Franġisku fuq l-Arċisqof il-ġdid, ejja nkomplu nitolbu lil Mulej biex jagħtina don ta’ ragħaj skont il-qalb tiegħu.
Kien dan l-appell tal-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles J. Scicluna fil-messaġġ tiegħu waqt l-iskambju tal-awguri mal-pubbliku.
L-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles J. Scicluna, l-Arcisqof Emeritu Pawlu Cremona u l-Arcisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca laqgħu lill-Pubbliku fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana għall-awguri tal-festi tal-Milied u l-ewwel tas-Sena.
Fil-messaġġ tiegħu l-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles J. Scicluna appella biex fis-sena l-ġdida nkunu preżenza sabiħa ta’ servizz fis-soċjeta. Huwa appella biex ħadd ma jibża’ jidħol fi djalogu mas-soċjeta Maltija li qed tinbidel u li għandha bżonn ix-xhieda sabiħa tal-Evanġelju li ġġib paċi u ferħ fil-qlub.
Numru sabiħ ta’ familji żaru l-Kurja biex jawguraw l-isbaħ xewqat lill-awtoritajiet tal-Knisja f’dan iż-żmien tal-Milied hekk kif ninsabu fil-qrib lejn bidu ta’ sena ġdida.
Matul l-awguri l-Kor tal-Parroċċa ta’ Santa Luċija kanta għanjiet tal-Milied li komplew żiedu mal-atmosfera tal-Milied fil-Kurja.
Ritratt: Photocity, Valletta
//= $special ?>