Lokali

‘The Interview’ mistenni f’Malta għal Frar – jekk il-Bord tal-Klassifikazzjoni ma jsibx oġġezzjoni

Il-film li fl-aħħar ġimgħat ħoloq kontroversja kbira, ‘The Interview’, mistenni li jibda jintwera fis-swali taċ-ċinema f’Malta fi Frar li ġej.

Charles Pace. Direttur Maniġerjali ta’ KRS Distributors qal li jekk ma jinqala’ xejn u l-film jibqa’ jintwera minn Sony Pictures, allura ma jkun hemm l-ebda raġuni għala il-film ma jkunx għall-wiri f’Malta.

Fl-aħħar ġimgħat dan il-film ħoloq kontroversja kbira wara li Sony Pictures sfat fil-mira ta’ cyber attack, x’aktarx mill-Korea ta’ Fuq. Dan għaliex il-film juri l-qtil fittizju tal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un.

Fl-aħħar jiem il-film komiku tpoġġa on-line minn Sony Pictures, filwaqt li beda jintwera f’numru ta’ swali taċ-ċinema fl-Istati Uniti minkejja theddid ta’ aktar attakki fil-konfront ta’ swali li juru l-films.

Mistoqsi dwar il-fatt li hemm il-possibiltà li l-film ma jkunx jista’ jintwera minħabba deċiżjoni tal-Bord tal-Klassifikazzjoni tal-Films, id-Direttur Maniġerjali ta’ KRS Charles Pace qal li m’għadux iż-żmien li jiġu projbiti l-films, madanakollu qal li jekk il-Bord jiddeċiedi li l-film m’għandux jintwera, naturalment il-KRS ma tkunx tista’ tqassam il-film fis-swali taċ-ċinema.

Mario Azzopardi, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Klassifikazzjoni tal-Films ikkonferma li l-film għadu ma ġiex ippreżentat quddiem il-Bord għall-klassifikazzjoni. Hu qal li wieħed ikun jista’ jiġġudika wara li jara l-film, filwaqt li żied li s’issa, barra minn Malta ma kienx hemm problema ta’ klassifikazzjoni.

Mistoqsi jekk il-ħbiberija bejn il-Gvern Malti u t-tmexxija tal-Korea ta’ Fuq tistax tkun fattur fuq jekk il-film jitħalliex jintwera f’Malta jew le, Mario Azzopardi qal li wieħed irid jara l-films mil-lat ta’ films u kieku wieħed kellu joqgħod jagħti każ il-kritika li ssir lill-Gvernijiet ħbieb ta’ Malta, kieku jispiċċaw jinżammu ħafna films.