Internazzjonali

Aġġornata : Filmat minn ġewwa l-ajruplan waqt l-inżul tal-emerġenza

Ajruplan tal-passiġġieri tal-linja ‘Virgin Atlantic’ niżel qawwi u sħiħ fl-ajruport ta’ Gatwick, f’Londra, wara li nqalgħetlu problema teknika fil-‘landing gear’.

It-Titjira VS43 kienet telqet minn Gatwick għal vjaġġ lejn Las Vegas, fl-Istati Uniti, u l-ajruplan, minuti wara, kellu jirritorna fl-ajruport ta’ West Sussex.

L-ajruplan, tat-tip Boeing 747, kellu nżul pjuttost ‘goff’ iżda dan seħħ mingħajr inċidenti. Dan waqt li s-servizzi għall-emerġenzi kienu qed jistennewh fuq il-mitjar tal-ajruport inkwistjoni.

Qabel l-inżul, il-Boeing baqa’ jdur għal żmien fuq l-inħawi ta’ Devon u s-South Coast tal-Ingilterra f’tentattiv biex jaħraq il-fuel u, b’hekk, inaqqas l-element ta’ periklu.