Il-captain ta’ AC Milan Riccardo Montolivo jemmen li l-partita ta’ ħbiberija t’għada fil-5 p.m. kontra Real Madrid se tkun il-preparazzjon idejali għall-kumplament tal-istaġun.
Għada ż-żewġ naħat se jiltaqgħu f’Dubaj qabel jirritornaw fl-azzjoni fil-kampjonati rispettivi tagħhom is-sena d-dieħla.
Milan bħalissa jinsabu fis-seba’ post fis-Serie A imma Montolivo qed jittama li riżultat pożittiv kontra Real jista’ jgħin li t-tim jimmira lejn post fiċ-Champions League.
“Din il-logħba tista’ tagħti spinta kbira lit-tim. Naħseb li hi logħba ta’ preparazzjoni mill-aqwa jekk nista’ ngħid hekk għaliex meta tilgħab kontra timijiet bħal Milan u Real Madrid, m’hemmx partiti ta’ ħbiberija. Logħba bħal din tgħinna biex mill-ewwel insibu saqajna meta nirritornaw fil-kampjonat. Se jkun eżami tajjeb ukoll biex naraw fejn ninsabu meta nirritornaw wara l-waqfa. Dan l-aħħar konna nieqsa mill-konsistenza imma dan hu normali għal tim li qed jinbena.”
Montolivo qal li jemmen li t-tim għamel progress fl-aħħar ġimgħat u jrid li jkun preparat tajjeb għal kontra Sassuolo fis-6 ta’ Jannar.
Il-kowċ ta’ Real, Carlo Ancelotti qal li qed jistenna bil-ħerqa li jilgħab kontra l-eks klabb tiegħu.
Ancelotti għamel tmien snin kowċ ta’ Milan bejn l-2001 u l-2009 u qabel kien ukoll plejer mal-klabb.
Il-kowċ ta’ 55 sena jemmen li l-partita tal-lum se tkun memorabbli kontra t-tim immexxi minn Pippo Inzaghi.
“Hi logħba ta’ tħejjija għaż-żewġ timijiet imma se tkun ukoll spettaklu ta’ futbol. Dawn huma l-aktar żewġ timijiet li rebħu unuri fl-Ewropa u se tkun logħba speċjali għalija. Għandi storja twila ma’ Milan u relazzjoni tajba ħafna mal-kowċ tagħhom li kien wieħed mill-plejers tiegħi,’ qal Ancelotti.
//= $special ?>