“Il-prodott turistiku Għawdxi jiddistingwi lilu nnifsu permezz ta’ aspetti kulturali partikularli, bħall-ikel, l-aspett soċjali kif ukoll dak artistiku”.
Qalet dan l-ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu f’Għawdex.
Fid-diskussjoni tagħha maċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni Paul Scicluna u l-Kap Eżekuttiv Joe Muscat, Therese Comodini Cachia ddiskutiet possibilitajiet ta’ koperazzjoni li jippromwovu fatturi distinti tal-gżira, fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ikel, it-turiżmu ta’ l-opri, turiżmu reliġjuż, il-karnival u anke ‘diving’.
Fil-kummenti tagħha hija esprimiet sodisfazzjon għat-twaqqif ta’ Federazzjoni ta’ entitajiet turistiċi fi ħdan il-Konferenza ta’ Reġjuni Marittimi Periferali fl-Ewropa (CPMR), proposta li ġiet mressqa mill-Assoċjazzjoni Għawdxija b’suċċess fejn Għawdex ikun membru fost ħmistax–il gżira oħra Ewropea. F’dan l-istadju l-proposta hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Comodini Cachia awgurat ukoll li l-Assoċjazzjoni tkun mgħejuna mill-awtoritajiet Maltin sabiex tibbenefika minn aktar fondi u programmi Ewropej, fost l-oħrajn dawk taħt l-iżvilupp rurali.
Matul id-diskussjoni hi qajjmet mistoqsijiet fuq ir-relevanza ta’ leġiżlazzjoni favur agro-turiżmu kif approvata riċentement mill-MEPA, fejn applikant irid ikollu minimu ta’ sittin tomna art; kundizzjoni li fil-prattika ser tindirizza ftit li xejn entitajiet Għawdxin. Hija kkritikat il-fatt li l-istess liġi aktar tfittex li tikkopja prodott barrani milli tisfrutta l-vantaġġ tad-dimensjoni lokali.
“Konsultazzjoni kif suppost għandha tilqa’ kontra kejl wieħed għal kulħadd u soluzzjonijiet mgħaġġla. Evidentement il-proposti mill-pubbliku Għawdxi ma ingħatawx l-attenzjoni mistħoqqa u adegwata” saħqet l-ewroparlamentari.
Fil-Parlament Ewropew, Therese Comodini Cachia hija membru tal-Intergroup fuq it-Turiżmu fi ħdan il-Parlament Ewropew.
//= $special ?>