Qorti

Hu normali li Pulizija jgħaddu l-passwords lil xulxin biex jidħlu fis-sistema tal-Korp

Huma “prattiċi komuni” li membri tal-Korp tal-Pulizija jgħaddu passwords lil dawk li m’għandomx biex ikunu jistgħu jidħlu fis-sistema ħalli jkunu jistgħu jpoġġu rapporti f’sistema kompjuterizzata. Dan ħareġ meta kompla jixhed l-Ispettur Pierre Minuti, li hu inkarigat mis-sistema tal-IT tal-Korp tal-Pulizija.

Minuti qal li minn 2,155 membri tal-Korp, huma 1,816 li għandhom password biex jaċċessaw is-sistema. Għaldaqsatant, 335 membru tal-Korp ikollhom bżonn waħda ta’ xi ħadd ieħor biex jaċċessaw is-sistema. Fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra s-Surġent Leeroy Balzan Engerer (ritratt), ta’ 31 sena residenti Tas-Sliema, akkużat li fit-22 ta’ Novembru bagħbas il-provi mis-sistema elettronika tal-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema billi ħassar dettalji fir-rapport uffiċjali dwar l-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia fil-Gżira.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Jonathan Ransley, stazzjonat fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, qal li jaf każijiet speċifiċi fejn Pulizija jagħtu l-passwords lil membri oħrajn tal-Korp tal-Pulizija għax ma jkunux ingħataw password mis-Sezzjoni tal-IT. Spjega li mhux kull Pulizija li jaħdem f’xi Għassa għandu aċċess għas-sistema, filwaqt li tenna li l-kollegi tagħhom jgħaddulhom il-password tagħhom biex ikunu jistgħu jaħdmu.

Xehed ukoll l-Ispettur Jesmond Micallef, li spjega kif hu kien beda l-investigazzjonijiet dwar il-każ meta kienet inġibditlu l-attenzjoni li l-ewwel erba’ paragrafi tar-rapport tal-Pulizija dwar l-isparatura tad-19 ta’ Novembru li għadda kienu tħassru. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li r-rapport tħassar ftit sekondi qabel is-1.50pm. Dan sar wara li fis-1.20pm xi ħadd daħal fis-sistema permezz tal-login u l-password ta’ Balzan Engerer.

Fil-Qorti kienu ppreżentati wkoll kopji tal-filmati li urew lil Leeroy Balzan Engerer miexi fis-1.24pm lejn l-uffiċċju tal-Posta, li wkoll tinsab viċin ir-residenza ta’ Balzan Engerer stess. L-Ispetur Micallef qal ukoll li annalizza l-filmati tas-CCTV minn xi ħwienet li hemm qrib l-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas- Sliema, fejn f’dak il-ħin dehru żewġ Uffiċjali tal-Pulizija ħerġin mill-Għassa. Filwaqt li wieħed mill-Uffiċjali deher dieħel f’karozza u jitlaq, l-ieħor kien miexi fid-direzzjoni ta’ fejn joqgħod is-Surġent Balzan Engerer.

Waqt il-kontro-eżami, Micallef qal li l-istatura l-istatura u l-mixja ta’ wieħed mill-Pulizija kienu simili għal dawk tal-akkużat, madankollu ma jistax ikun ċert li kien hu. Qal ukoll li mar għand l-Avukat Ġenerali Peter Grech, li min-naħa tiegħu ma kienx ra l-filmat. Madankollu, l-Avukat Ġenerali stess issuġerixxa li l-Pulizija għandha tieħu azzjoni kriminali fil-konfront tal-akkużat u għalhekk inġieb il-kunsens tal-arrest.

Lejn l-aħħar tas-seduta, il-Maġistrat Doreen Clarke iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex is-Surġent Balzan Engerer jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Jesmond Micallef u Sandro Camilleri, filwaqt li għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Il-każ ikompli fl-4 ta’ Frar li ġej.