Internazzjonali

Il-klieb ‘aktar popolari mill-qtates’ għall-ewwel darba f’20 sena

L-aħħar statistika fir-Renju Unit qed turi li, għall-ewwel darba f’20 sena, il-klieb huma l-aktar pets popolari fost il-Britanniċi — bi kważi 25 fil-mija tal-familji lokali qegħdin irabbu kelb ta’ xi razza jew oħra.

Ix-xejra tidher li inbidlet wara li l-preżenza tal-qtates fid-djar tal-Britanniċi kienet damet is-snin tissupera dik tal-klieb u bil-qattus jitqies bħala ‘l-pet favorit indiskutibbli’ minn aspett domestiku.

Intant, l-istatistika pubblikata mid-Dogs Trust Pet Food Manufacturers’ Association’ (PFMA) żvelat li fir-Renju Unit, illum, hemm mat-8.9 miljun kelb ‘kontra’ s-7.9 miljun qtates. Jaħsbu wkoll li l-ispinta fin-numru tal-klieb hi dovuta, fost oħrajn, għall-popolarita kbira li qed igawdu razzez bħall-French Bulldog, iċ-Chihuahua u l-Pug.

Dawn l-hekk-imsejħa ‘designer puppies’ huma ferm imfittxa minn ħafna personalitajiet ċelebri u l-fama li saru jgawdu l-klieb partikolari serviet bħala l-ixprun wara l-bejgħ tal-annimali minn fuq l-Internet.

Iżda l-entitajiet inkarigati mill-ħarsien tal-annimali qed iwissu lil kulmin iħobb il-klieb li l-kummerċ ta’ dan it-tip ‘online’ ipproduċa wkoll ‘industrija sewda’ li tista’ tħalli r-riperkussjonijiet qattiela.

Dan għaliex id-domanda għal dawn id-‘designer puppies’ tant saret kbira li eluf ta’ ġriewi qed ikunu impurtati illegalment fir-Renju Unit mill-Ewropa tal-Lvant (partikolarment mill-Ungerija u l-Litwanja), fost element ta’ sogru akbar li jinferex mard bħar-rabies u kundizzjonijiet oħra bil-potenzjal fatali.