Internazzjonali

Il-Litwanja pass mill-ewro

Il-Litwanja, li, fl-1990, saret l-ewwel Repubblika li ddikjarat l-indipendenza mill-eks-Unjoni Sovjetika komunista, tiftaħ is-sena ġdida b’li taqleb għall-ewro u, b’hekk, se tikteb paġna ġdida importanti fl-istorja tagħha.

Iżda waqt li l-Litwanja tinsab ħerqana biex timxi fuq il-passi tal-Latvja u l-Estonja ( bħalha pajjiżi tal-Baltiċi u membri tal-Unjoni Ewropea) hi u tkattar l-ekonomija, il-Gvern ta’ Vilnius żgur li ma jistax jinjora lir-Russja fi żmien ta’ tensjoni konsistenti bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja kollha ħassew l-effetti tat-tensjoni bejn ir-Russja u l-Punent minħabba influwenza ta’ Moska fuq l-iżviluppi allarmanti tal-aħħar xhur fl-Ukrajna tal-Lvant.

U wara li l-President tal-Litwanja, Dalia Grybauskaite, akkużat lir-Russja bħala ‘pajjiż terrorista’, Moska tidher li implimentat sistema, fl-inħawi tal-fruntieri ma’ Kaliningrad, li xekklet bil-kbir il-movimenti tal-Litwani li jridu jaqsmu u jirritornaw mill-inħawi bil-karozzi tagħhom. Dawn, illum, jistgħu jkollhom jistennew fil-kju għal jumejn u meta l-vjaġġ, qabel, kien idum ftit sigħat biss.

Fl-istess ħin, l-aġir tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna żied mal-inkwiet li l-pajjiżi Baltiċi – fosthom l-Litwanja – jistgħu, eventwalment, jispiċċaw ukoll mira ta’ Moska.