Lokali

Isem Ray Zammit ma jitnaqqaxx fuq il-lapida tal-Kummissarji tal-Pulizija

Jidher li l-ogħla awtoritajiet fil-Korp tal-Pulizija ddeċiedew li isem l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit mhux denju li jitniżżel fil-lapida tal-Kummissarji tal-Pulizija fid-daħla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Dan hekk kif fuq il-lapidi tal-irħam, li fuqhom jitnaqqxu l-ismijiet tal-Kummissarji tal-Pulizija, kien se jitnaqqax direttament isem il-Kummissarju attwali tal-Pulizija Michael Cassar wara l-eks Kummissarju Peter Paul Zammit.

Zammit kellu jirriżenja minn din il-kariga aktar kmieni din is-sena wara li t-tmexxija tiegħu iffaċċjat nuqqas ta’ qbil mal-eks Ministru Manwel Mallia. Għaldaqstant, kien imiss li jitnażżlu fuq il-lapidi l-ismijiet l-ewwel tal-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit umbagħad tal-Kummissarju attwali Michael Cassar.

Kollox kien lest biex ħaddiem imqabbad apposta jnaqqax isem il-Kummissarju tal-Pulizija attwali, kif ingħatat l-ordni lilu. Iżda informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid li l-eks Aġent Kummissarju Zammit sar jaf b’din mossa u għalhekk oġġezzjona li ma kienx sew li ismu jinqabeż minn fuq il-lapida. Skont l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija, ismu kellu jitnaqqax wara dak ta’ Peter Paul Zammit u qabel dak ta’ Michael Cassar.

F’dan l-istadju, bil-ħaddiem kellu jieqaf milli jagħmel dak li ġie ordnat, il-kwistjoni telgħet quddiem id-Deputat Kummissarju Andrew Seychell, l-Assistent Kummissarju Mario Spiteri u l-Assistent Kummissarju Carmelo Magri. Jirriżulta li wara li dawn ikkonsultaw mal-Kummissarju attwali tal-Pulizija, ittieħdet id-deċiżjoni li isem Ray Zammit ma jitnaqqaxx.

Din id-deċiżjoni kellha tiġi attwata malajr kemm jista’ jkun biex kollox ikun lest sal-Festi tal-Milied. Fost oħrajn, minħabba li llejla l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija se jkun qed jospita r-riċeviment annwali mogħti mill-Kummissarju tal-Pulizija. Madankollu, dan wassal għal tħassib fost membri fil-Korp, b’sorsi li tkellmu magħna qalu li l-Korp ma jistax jitmexxa ‘l quddiem jekk jibqa’ mimli b’dawn il-piki personali.

Tweġiba mill-Korp tal-Pulizija, skont il-Liġi tal-Istampa

Il-Korp tal-Pulizija jagħmel referenza għall-artiklu minn Joe Mikallef bit-titlu “Isem Ray Zammit ma jitnaqqaxx fuq il-lapida tal-Pulizija”:

Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-ġurnalista li qabel xejn ma teżisti ebda pika kif allegat anzi hemm kollaborazzjoni, rispett u koperazzjoni totali bejn l-uffiċjali għolja tal-Korp. Fir-rigward tal-ismijiet tal-Kummissarji fuq l-irħama li hemm fl-entratura tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ta min jikkjarifika illi storikament, din turi l-ismijiet tad-diversi Kummissarji tal-Pulizija li mexxew ‘il-Korp tul dawn l-aħħar 200 sena. Wieħed malajr jinduna li l-Aġenti Kummissarji tal-Korp, qatt ma tniżżlu fuqha.

Aġenti Kummissarji li mexxew ‘il-Korp, saħansitra anke meta ma kienx hemm appuntat Kummissarju tal-Pulizija, kienu mhux wieħed jew tnejn. Biżejjed wieħed isemmi lid-Deputat Kummissarju James Frendo Azzopardi li kien appuntat Aġent Kummissarju wara li fi Frar 1919, il-Kummissarju Claude Duncan ġie maħtur Spettur Ġenerali tal-Pulizija għan-Niġerja tan-Nofsinhar filwaqt li f’April 1923, id-Deputat Kummissarju Amadeo Inglott kien ukoll ġie maħtur Aġent Kummissarju wara li l-Kummissarju Antonio Busuttil kien miet f’dik l-istess sena. Naturalment, peress li dawn qatt ma ġew appuntati Kummissarji tal-Korp, isimhom ma jidhirx fuq l-irħama anke jekk dawn kellhom ir-responsabbilità tad-direzzjoni tal-Korp għal bosta xhur sakemm inħatar Kummissarju ġdid.

Għaldaqstant, il-Korp, fuq preċedent, żamm mal-prassi stabbilita u dan għamlu ċertament mhux b’xi pika personali iżda b’konsistenza għal dak li kien hemm diġa’ stabbilit minn qabel.