L-awtoritajiet tal-Indoneżja temmew it-tieni jum tat-tfittxija għall-ajruplan Indoneżjan tal-AirAsia li sparixxa waqt titjira lejn Singapore, filwaqt li qalu li l-ajruplan x’aktarx spiċċa f’qigħ il-baħar. Aktar kmieni, il-kelliema għall-qawwiet tal-ajru Indoneżjani qalu li kienu qed jikkonċentraw fuq żona fejn dehret roqgħa żejt f’wiċċ il-baħar.
Madankollu, mhux ċar jekk din għandhiex titqies bħala traċċa konkreta tal-ajruplan, tat-tip Airbus A320-200. Hu mifhum li l-awtoritajiet tas-Search and Rescue mistennija jkabbru ż-żona tat-tfittxija fis-sigħat u l-ġranet li ġejjin.
Sadanittant, skont l-analiżi tal-aħħar informazzjoni dwar l-Airbus, l-awtoritajiet Indoneżjani qed ibassru li l-ajruplan niżel fil-baħar qabel intilef il-kuntatt miegħu. Dan meta baqa’ ma feġġ l-ebda sinjal tal-ajruplan, li kellu 162 persuna abbord.
Qabel sparixxa l-Airbus, il-piloti kienu talbu l-permess biex jibdlu r-rotta tat-titjira minħabba l-maltemp qalil, għalkemm baqgħu ma bagħtu l-ebda messaġġ ta’ emerġenza qabel l-ajruplan sparixxa minfuq l-iscreens tar-radar.
Bħalissa, numru ta’ vapuri, ħelikopters u ajruplani militari qed jieħdu sehem fit-tfittxija għall-ajruplan tal-AirAsia.
//= $special ?>